top of page

Is-Soċjeta` u l-Banda 

Kitba ta’ Alfred Camilleri

 

1850 - 1900               1900 - 1945               1946 - 1990               1991- 2000               2001 - 2016

 

Kien lejn nofs is-seklu dsatax li numru ta’ partitarji, imħeġġin mid-devozzjoni kbira li kellhom lejn il-Madonna tal-Karmnu, ħafna minnhom diriġenti fil-fratellanza mwaqqfa f’ġiehha ġewwa l-Knisja taż-Żurrieq fil-bidu ta’ dak is-seklu, krew terran f’numru 99, Strada Reale, viċin l-inħawi tan-Nigret u hemm waqqfu każin soċjali bl-isem CIRCOLO LA STELLA. L-iskop ewlieni tagħhom kien li jkabbru l-festi esterni li kienu diga` ilhom isiru f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu, hawn ġewwa ż-Żurrieq.

F’manuskritt tal-Konti Saverio Marchesi li jġib id-data ta’ l-1805, tissemma orkestra tal-knisja ġewwa ż-Żurrieq li kienet tieħu sehem fil-funzjonijiet sagri u fil-purċissjonijiet tal-parroċċa. Aktar minn hekk ma jissemma xejn u l-istorja tħallina fi

dlam kbir sakemm imbagħad fil-ġurnal L’ORDINE tal-21 t’April 1865, Achille Ferres jirreferi għal għaqda tal-mużika fiż-Żurrieq li kienet tħaddan 24 żagħżugħ, uħud minnhom kjeriċi mħarrġin tajjeb mis-Surmast Luigi Carabott. Huwa jagħti xi eżempji biex isaħħaħ dan il-fatt, fosthom li din l-orkestra daqqet xi responsorji fil-Ġimgħa l-Kbira ta’ dik is-sena. Milli jidher imbagħad din l-orkestra għaddiet f’idejn Mro. Francesco Żammit (ta’ Marigos) miż-Żurrieq li minnha nissel l-ewwel banda formali bl-isem SOCIETA FILARMONICA DEL ZURRICO. Huwa fatt li biex din l-orkestra nbidlet f’banda ħadet iż-żmien meħtieġ iżda m’hemmx dubju li dan ġara tul is-sena 1865 għaliex fis-sena ta’ wara din il-banda ħadet sehem fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Dan jixhdu l-ħlas ta’ 30 skud li l-prokuratur tal-fratellanza Dun Lawrenz Zahra għadda lis-Surmast Żammit.

Kienet banda newtrali, tieħu sehem fiż-żewġ festi tar-raħal, bla ebda simpatiji waqt li l-bandisti kienu ġejjin miż-żewġ partiti tal-festi li sa dak iż-żmien kienu diġa` żvolġew sew – il-partit tal-Karmnu u l-partit ta’ Santa Katarina. L-ewwel dar li fiha kienet tgħammar din il-banda kienet id-dar numru 20, Strada Brittanica (illum Triq il-Ħaddiema), biswit Palazzo Armeria.

Fis-sena 1875, Francesco Żammit għadda l-bakketta lil Carmelo Żammit (Fardess) – mużiċista kbir, surmast ta’ l-affari tiegħu u skultur. Li kien skultur tajjeb jixhduh l-istatwi li naraw armati fil-festa fuq iz-zuntier tal-knisja. Xogħol mill-isbaħ li hu ħadem ma’ ibnu Toninu, l-artist li għamel il-pittura tal-kwadru li naraw illum fuq l-artal tal-Karmnu ġewwa l-Knisja.

F’dan iż-żmien f’Malta beda jinħass qawmien politiku ġdid, karatterizzat bit-twaqqif ta’ partiti politiċi biex jiġġieldu favur l-identita` nazzjonali. Fil-klima ta’ bosta kwistjonijiet politiċi f’Malta, ġewwa l-FILARMONICA DEL ZURRICO li kellha bħala President lill-Kavallier Charles dei Marchesi Zimmermann Barbaro, beda dieħel in-nuqqas ta’ ftehim. Min kellu simpatija lejn ir-Riformisti u min kien ixaqleb lejn l-Anti-Riformisti. Inqala’ għawġ kbir, b’mod partikolari għall-ħabta t’Ottubru 1883, fi żmien l-elezzjoni għall-Kunsill tal-Gvern. Il-partitarji anti-riformisti telqu mill-FILARMONICA DEL ZURRICO  u għal ftit żmien waqqfu banda oħra li semmewha FILARMONICA MANNARINO li kellha bħala surmast lil Ignazio Catania u President lill-Imħallef Dr. Zaccaria Roncali – membru fil-Partito Anti-Riformista ta’ Fortunato Mizzi.

Din il-banda ma kellhiex ħajja twila għax fl-1893, is-Surmast Carmelo Żammit reġġa’ lura lejn il-FILARMONCA DEL ZURRICO lil dawk il-bandisti u partitarji li kienu ħallewha minħabba l-ideat politiċi. Għalhekk il-FILARMONICA MANNARINO mietet mewta naturali. F’din is-sena wkoll il-FILARMONICA DEL ZURRICO biddlet id-dar tagħha u marret tgħammar f’numru 18, Triq San Leopoldu. F’dik is-sena wkoll, biex din il-banda tkun xhieda ta’ l-għaqda u l-paċi li reġgħu nstabu, is-Surmast Żammit ta l-parir li jibda jisimha FILARMONICA LA CONCORDIA. U fil-fatt hekk sar.

Din il-banda kienet għadha tieħu sehem fiż-żewġ festi tar-raħal bla ebda distinzjoni. Ovvjament okkażjonijiet oħra li fihom kienet tieħu sehem qatt ma naqsu. Pereżempju f’Diċembru 1895 esegwiet programm mużikali fil-pjazza ta’ l-Imqabba fl-okkażjoni ta’ l-elezzjoni ta’ Dun Alfons Caruana, li ftit snin wara kellu jkun hu wkoll President tagħha. Nhar l-20 ta’ Lulju 1896 insibuha takkumpanja lill-Isqof Mons. Pietru Pace meta dan tela’ ż-Żurrieq ħalli jamministra s-sagrament tal-griżma lit-tfal tal-parroċċa. Nhar it-22 ta’ Ġunju 1897 il-FILARMONICA LA CONCORDIA ħadet sehem fil-festi kbar li saru ġewwa l-Belt Valletta fil-Ġublew tad-Djamanti tar-Reġina Vittorja. Dak in-nhar, għas-sehem tagħha, il-banda ngħatat bandalora li ġġib din is-sena, liema bandalora tinsab merfugħa b’għożża fil-każin.

Fis-sena 1898 mill-ġdid din il-banda reġgħet bdiet tinfena bl-inkwiet. Inkwiet minħabba l-partiti tal-festi li issa kienu ħraxu sew. Biex jipprova jevita xi qasma oħra bħal dik li kienet ġrat ftit snin qabel, is-Surmast Carmelo Zammit ippropona li din il-banda ma tibqax tieħu sehem fil-festi tal-Madonna tal-Karmnu u ta’ Santa Katarina iżda fil-festi tad-Duluri u ta’ San Ġużepp biss. Kien hemm min ma qabilx ma’ dan il-parir iżda minkejja dan, hekk sar.

Fl-ewwel xhur tas-sena ta’ wara, jiġifieri 1899, il-banda marret tgħammar fid-dar numru 10 Triq San Bartilmew. Hemmhekk kellha bħala President lil Dun Alfons Caruana u Segretarju lil Antonio Mangion. Dawn ftit li xejn damu f’din il-kariga għax ftit wara nsibu bħala President lil Giovanni Magri u Segretarju lil Nardu Ellul ta’ Marigos.

F’dik l-istess sena, is-Surmast Zammit reġa’ biddel fehmtu dwar is-sehem tal-banda fil-festi tar-raħal. Huwa qal li mhux sewwa li din il-banda tieħu sehem fil-festi ta’ barra ż-Żurrieq imbagħad ma tagħmilx dan fil-festi prinċipali taż-Żurrieq. U hawn faqqgħet il-bomba. Ġara li xi bandisti ma qablux ma’ din id-deċiżjoni. Huma telqu u fetħu kawża biex il-FILARMONCA LA CONCORDIA tiġi xolta u l-patrimonju tagħha jinqasam bejn il-membri. F’din il-kawża xehdu l-Arċipriet taż-Żurrieq Dun Manwel Mifsud, il-Prokuratur Dun Pawl Saydon li kien iħallas lill-FILARMONICA LA CONCORDIA tas-servizzi li kienet tagħmel fil-festa ta’ Santa Katarina u l-Kanonku Dun Salv Vella, prokuratur tal-fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu li kien ukoll iħallas lil din il-banda għas-servizzi tagħha fil-festa tal-Madonna Karmnu. It-taħrika saret f’April 1899 iżda kif kien ġie deċiż, il-FILARMONICA LA CONCORDIA  xorta ħadet sehem fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Għall-kuntrarju ma ħaditx sehem fil-festa ta’ Santa Katarina. Il-qorti ddeċidiet li la darba dawk il-membri li telqu minnha, għamlu dan għax riedu huma u bla ma kienu mġegħlin jagħmlu dan, dak li pproponew li jsir, ma kellux bażi u għalhekk ċaħdet it-talba tagħhom bl-ispejjeż. Dawn it-talin ma qatgħux qalbhom u appellaw mis-sentenza iżda kien kollu ta’ xejn għax nhar l-10 ta’ Diċembru 1900 il-qorti ta’ l-appell ikkonfermat is-sentenza mogħtija aktar qabel. Dak in-nhar kien jum storiku għall-FILARMONICA LA CONCRODIA  għax is-sewwa kien rebaħ. Bir-raġun li dakinhar, kif kienu jgħidulna l-anzjani tagħna, is-Surmast Żammit saritlu dimostrazzjoni kbira minn tarf ir-raħal bis-sehem tal-banda u twassal sa daru fuq l-ispallejn.  

Biex din il-banda tkompli miexja bla ebda tfixkil u aktar problemi, is-Surmast Zammit talab liċ-CIRCOLO LA STELLA biex jidħol bil-FILARMONICA LA CONCORDIA taħt il-protezzjoni tiegħu. It-talba ntlaqgħet u hekk sar. B’hekk issa din il-banda u ċ-CIRCOLO LA STELLA bdew jgħixu taħt l-istess saqaf bħal tnejn miżżewġin. Id-dar tagħhom kienet numru 99. Srada Reale, fejn oriġinarjament kien twieled iċ-CIRCOLO LA STELLA. Is-sehem tal-FILARMONICA LA CONCORDIA ġewwa ż-Żurrieq beda jkun biss fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu u f’dik ta’ San Ġużepp li sal-lum għadha ssir fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju. Mill-banda l-oħra, dawk is-soċi li kienu fetħu l-kawża u baqgħu b’xiber imnieħer ingħaqdu bħala orkestra taħt id-direzzjoni tas-Surmast Nikola Montebello u marru taħt il-protezzjoni taċ-CIRCOLO SANTA CATERINA. Għaldaqstant, l-istorja titkellem weħediha……….mill-1900 sa l-1946 iż-Żurrieq kellu biss banda waħda – FILARMONICA LA CONCORDIA li fl-1908 biddlet isimha għal QUEEN VICTORIA sakemm imbagħad f’Novembru 1946 l-orkestra SANTA KATARINA ddeċidew li jibdluha f’banda.

 

1900 - 1945

 

Fl-1903 it-Tabib Vincent Grech beda jokkupa l-kariga ta’ President. Dam sentejn f’din il-kariga. Fl-1905 is-Soċjeta` Karmelitana u l-FILARMONICA LA CONCORDIA marru jgħammru f’numru 20, Piazza Maggiore. F’din id-dar, l-isem tagħhom insibuh CIRCOLO MADONNA DEL CARMINE – FILARMONICA LA STELLA. Il-President kien Filippo Gatt u s-Segretarju kien Vincent Sultana.

Fl-1907 il-FILARMONICA LA STELLA ħadet sehem fil-festi kbar li saru fl-okkażjoni tal-miġja f’Malta tar-Re Dwardu VII u r-Reġina Alessandria.

Kien propju sena wara, fl-1908, li l-FILARMONICA LA STELLA biddlet isimha għal dak li għandha llum, jiġifieri QUEEN VICTORIA, propju għar-Reġina Vittorja ta’ l-Ingilterra li kienet mietet seba’ snin qabel, nhar it-22 ta’ Jannar 1901. Fis-sena 1908 ukoll ġew imżanżna żewġ uniformijiet ġodda għall-bandisti – waħda tas-sajf u oħra tax-xitwa.

Nhar is-16 ta’ Mejju 1909 il-Banda Queen Victoria ħadet sehem meta ġew inawgurati u mbierka n-navi tal-Knisja Arċipretali mill-Isqof ta’ Malta Mons. Pietru Pace. Sena wara, kien ingħata peremss speċjali biex il-Banda Queen Victoria ħadet sehem fil-festa ta’ Santa Katarina hawn ġewwa ż-Żurrieq. Dak iż-żmien, din il-festa kienet għadha ssir fil-25 ta’ Novembru. Ovvjament, is-sehem ta’ din il-banda fil-festi ta’ l-irħula Maltin xejn ma kien nieqes!

Nhar it-22 ta’ Ġunju 1911, il-Banda Queen Victoria ħadet sehem ma’ tnejn u għoxrin banda oħra ġewwa l-Belt Valletta fil-festi kbar li saru ġewwa Malta fl-okkażjoni ta’ l-Inkurunazzjoni tar-Re Ġorġ V. Din l-isfilata mxiet mill-Furjana sa Misraħ San Ġorġ fejn il-baned kollha li ħadu sehem daqqew il-GOD SAVE THE KING.

Kien fis-sena 1912 li l-Banda Queen Victoria bdiet tagħmel il-marċ tradizzjonali ta’ fil-għodu fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu, marċ popolari li llum jiġbed warajh lil ħafna ammiraturi mill-irħula ta’ Malta u Għawdex.

Fl-1914 is-Soċjeta` Karmelitana u l-Banda Queen Victoria biddlu s-sede tagħhom għall-aħħar darba fl-istorja u marru jgħammru fid-dar numru 34, Piazza Maggiore fejn għadhom sal-lum.

Nhar it-3 t’Awissu 1916, il-Banda Queen Victoria kienet għal darb’oħra l-unika banda miż-Żurrieq li ħadet sehem f’dimostrazzjoni ġewwa l-Belt Valletta  fl-okkażjoni tat-tieni anniversarju mill-bidu ta’ l-Ewwel Gwerra Dinjija.

Nhar is-6 ta’ Marzu 1919 il-minġel kiefer tal-mewt ħasad minn din id-dinja l-ħajja tas-Surmast Carmelo Zammit, fl-għomor ta’ 69 sena. Fil-funeral tiegħu daqqet il-Banda Queen Victoria li akkumpanjatu mid-dar tiegħu numru 40, Triq l-Inġinier sal- Knisja Arċipretali bid-daqq ta’ marċi funebri. Is-Soċjeta` Karmelitana u Banda Queen Victoria dak in-nhar kienu tilfu missier u bkewh bħalma bkewh il-biċċa l-kbira tan-nies taż-Żurrieq. F’dik is-sena l-Banda Queen Victoria għaddiet għal taħt id-direzzjoni tas-Surmast Salvu Mallia, mis-Siġġiewi. Huwa dam surmast sas-sena 1924. Warajh ħa dan l-inkarigu s-Surmast Ġużeppi Zammit miż-Żurrieq. Taħt dawn iż-żewġ surmastrijiet il-banda kompliet bit-triq tas-suċċessi u bil-poplarita` tagħha fil-gżejjer Maltin tiżdied.

F’nofs is-snin għoxrin, il-festa f’ġieh il-Madonna tal-Karmnu waqfet għal xi żmien minħabba l-kwistjoni tat-tużell li kien għadu kif inxtara mill-Bażilika ta’ l-Isla. Il-Fratellanza tal-Karmnu ma ridetx iċċedi għall-pressjoni li saritilha biex dan it-tużell ma jkunx esklussivament għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Jidher iżda li kollox ġie għan-normal fis-sena 1925. Dik kienet sena speċjali għaliex nhar l-4 ta’ Lulju, l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu, xogħol il-Bormliż Salvu Psaila, inġiebet lura mill-Belt Valletta fiż-Żurrieq fuq l-ispallejn tad-devoti, wara li saritilha induratura ġdida minn Francesco Coleiro (il-Manikk). F’dak il-jum storiku, il-Banda Queen Victoria akkumpanjat l-istatwa mill-Kappella ta’ San Ġakbu sal-Knisja fejn wara tbierket mill-Arċipriet Dun Giovanni Battista Ghigo.

Nhar it-8 ta’ Lulju 1927 iż-Żurrieq ingħata l-faċilita` ta’ banka tal-lottu. Din ingħatat lis-Soċjeta` Karmelitana li sa mill-1900 kellha fi ħdanha banda. L-iskop tal-gvern kien li jgħin finanzjarjament lill-każini tal-baned biex b’hekk setgħu jkomplu bit-tagħlim tal-mużika u jrawmu aktar bandisti ġodda. It-tieni banka tal-lottu fiż-Żurrieq ma ngħatax qabel nhar il-25 t’April 1950 u dan propju l-għaliex sa l-1946 iż-Żurrieq kellu biss banda waħda, il-Banda Queen Victoria. Bħala rikonoxxenza għal din l-għajnuna min-naħa tal-gvern, il-baned kellhom jesegwixxu żewġ programme fis-sena fil-belt jew raħal rispettiv tagħhom. Kienu u għadhom jissejħu l-programmi tal-lottu. Minħabba li l-finanzi f’dawk iż-żminijiet xejn ma kienu sbieħ, dawn il-programmi ġew imnaqqsa għal wieħed u fil-każ tal-Banda Queen Victoria dan il-programm isir nhar Ħadd il-Palm wara nofsinhar. 

Nhar il-25 ta’ Settembru 1927 il-Banda Queen Victoria ħadet sehem bid-daqq ta’ marċi funebri fil-funeral sollenni tal-Kanonku Dun Salv Vella (Taż-Żebbiegħ) – għal ħafna snin prokuratur tal-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu. Sal-lum ġewwa l-każin għadna ngħożżu ritratt tiegħu ffirmat minnu stess.

Drawwa ferma antika u li bdiet tikseb popolarita` fis-snin għoxrin kienet il-mawra tal-bandisti lejn Wied iż-Żurrieq, Ħadd fuq il-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Kulħadd jinżel bi ħġaru sa mit-tmienja ta’ fil-għodu biex jgħaddi ġurnata għall-kwiet u l-mistrieħ jitpaxxa bil-ġmilijiet ta’ dawk l-inħawi. Drawwa ferm sabiħa li kienet ukoll popolari fost xi baned tal-Kottonera.

Fis-sena 1928, il-Banda Queen Victoria għaddiet taħt it-tmexxija tas-Surmast Adeodato Gatt minn Ħaż-Żebbuġ. Kien żmien sabiħ għall-banda għaliex taħt id-direzzjoni tiegħu kompliet bis-suċċessi tagħha, speċjalment fil-programmi li kienet ittella’ u li kienu jitolbu mpenn kbir. Is-Sumast Gatt kien direttur ta’ bosta baned Maltin u kompożitur tajjeb ħafna.

Nhar id-9 ta’ Jannar 1931, il-Banda Queen Victoria ġiet irregalata b’seba’ standarti ġodda u bandalora tar-Reġina Vittorja fuq it-taraġ ta’ Palazzo Armeria – ir-residenza tal-President ta’ dak iż-żmien, il-Markiż Nazzareno Zimmermann Barbaro. Dawn ġew mogħtija minn bosta benefatturi u tbierku minn Patri Albert Zammit, Karmelitan.

Kien fl-1933 li is-Soċjeta` Karmelitana u l-Banda Queen Victoria akkwistaw l-Inno Marcia immortali “Fior del Carmel”, kompożizzjoni brillanti tas-Surmast Cardenio Botti. Dan seħħ bir-rabtiet ta’ ħbiberija li kien hemm bejn dan is-Surmast,  is-saċerdot Żurrieqi Dun Luret Zammit u s-Segretarju Francesco Bugeja.

Nhar id-9 ta’ Lulju 1934 is-Soċjeta` Karmelitana sofriet l-ewwel traġedja tan-nar. Dak in-nhar, Francesco Chircop ħalla ħajtu meta splodiet il-kamra qrib tal-Ħniena, limiti ital-Qrendi u li fiha kien qed jaħdem in-nar għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu.

Kien fis-seduta tal-kumitat ta’ nhar it-18 ta’ Novembru 1934 li Dun Luret Zammit inħatar Direttur Spiritwali, kariga li hu żamm sa mewt li ġrat f’Novembru 1977. Kien saċerdot żelanti, devot kbir tal-Madonna tal-Karmnu, dejjem ibierek u jqassam il-labtijiet u jħabrek għall-festa b’kull mod possibbli.

B’deċiżjoni tal-kumitat ta’ nhar is-6 ta’ Jannar 1935, dawk il-bandisti tal-Banda Queen Victoria li f’dawk is-snin kienu jieħdu sehem mas-Surmast Ferdinando Falzon fl-intervalli tas-serati teatrali li kienu jsiru fil-każin Santa katarina, ma ħadux sehem aktar.

Għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu tas-sena 1935 li ħabtet nhar il-Ħadd 21 ta’ Lulju, ġewwa ż-Żurrieq kienu nġiebu sitt baned. Kienet festa storika li wieħed irid jaraha fl-isfond tal-biża’ li ġab miegħu l-Konċilju Reġjonali li kien għadu kif sar f’Malta xahar qabel. L-iskop ta’ dan il-konċilju kien li jirregola b’mod dixxiplinarju ċerti ħwejjeġ tal-knisja f’Malta, fosthom iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi sekondarji. Dan ġab miegħu ħafna restrizzjonijiet. Għalhekk wieħed jista’ jifhem x’daqqa kbira ħadet il-festa tas-sena 1936 meta bdew japplikaw dawn ir-restrizzjonijiet fosthom li jkun hemm banda waħda lejlet il-festa u waħda nharha u l-ħruq ta’ mhux aktar minn mitt murtal. Dik is-sena nfatti l-festi ta’ barra ma sarux, l-istess kif ġara fis-snin ta’ wara sa tmiem it-tieni gwerra dinjija.

Fi Frar 1937 il-Banda Queen Victoria għaddiet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Francesco Bugeja. Is-Surmast Ċikku, kif kien magħruf maż-Żrieraq, kien l-ewwel riċevitur fil-banka tal-lottu u għal ħafna snin Segretarju tas-Soċjeta`. Kien bniedem ta’ l-affari tiegħu u mużiċist fil-veru sens tal-kelma. U dan ma setax jonqos jekk għal ħafna snin kien idoqq ma’ l-orkestra tat-Teatru Rjal u mal-Banda tal-Malta Royal Artillery

F’Mejju 1937 il-Banda Queen Victoria ħadet sehem ma’ baned oħra ġewwa l-Belt Valletta fil-festi kbar li saru f’Malta fl-okkażjoni ta’ l-inkurunazzjoni tar-Re Ġorġ VI.

F’Diċembru ta’ dik is-sena kien żar il-każin il-Gvernatur Sir Charles Bonham Carter.

Adolf Hitler beda jinvadi l-Ewropa. Beda bl-Awstrija u ċ-Ċekoslovakkja. Imbagħad fl-1 ta’ Settembru 1939, l-armata Ġermaniża daħlet il-Polonja u kienet iddikjarata t-Tieni Gwerra Dinjija. Is-sitwazzjoni kompliet marret għall-agħar nhar l-1 ta’ Ġunju 1940 meta l-Italja nvolviet ruħha hi wkoll fil-gwerra. Bdew l-attakki mill-ajru li ġiegħlu lil numru ta’ refuġjati min-naħat tal-Kottonera jmorru jsibu kenn fl-irħula, fosthom iż-Żurrieq. Is-Soċjeta` Karmelitana u l-Banda Queen Victoria offrew is-sular ta’ fuq tal-każin lil żewġ familji parantela ta’ xulxin, il-familji Tabone u Azzopardi. L-attivitajiet kollha tas-Soċjeta` issa kienu ġew restritti għas-sular t’isfel waqt li l-bandisti kienu jikkunċertaw mas-Surmast Ċikku fil-mitħna ta’ wara l-każin, propjeta` tas-Sur Kalanġ Żammit (Iż-Żimella). Tul dawn iż-żminijiet is-Soċjeta` ma baqgħetx lura mill-attivitajiet ta’ natura soċjali u b’hekk biss setgħet tgħolli xi ftit tal-moral f’dik is-sitwazzjoni mwiegħra. Kienu jsiru t-tombli, il-logħob tal-billiard u anke t-teatrin mill-Kumpanija L-ISTILLA bl-aqwa atturi Żrieraq ta’ dak iż-żmien fosthom Ninu Farrugia (ta’ kejli), Ġanni Ciappara, Ninu Scicluna (Iż-Żebbuġi) u Constantino Farrugia. Mill-banda l-oħra l-Banda Queen Victoria kultant kienet torganizza wkoll xi programm biex tkompli tgħolli l-moral. Perezempju nhar it-23 ta’ Novembru 1941 esegwiet programm ta’ mużika operistika f’Misraħ Churchill. Fuq kollox kienet ukoll il-Banda Queen Victoria li hawn ġewwa ż-Żurrieq ħarġet tiċċelebra t-tmiem tal-gwerra b’marċ mat-toroq, nhar it-8 ta’ Mejju 1945. F’Lulju ta’ dik is-sena, l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu ħarġet għall-ewwel darba f’purċissjoni wara l-flaġell tal-gwerra. Daret biss ma’ Misraħ Churchill minħabba li t-toroq l-oħra kienu għadhom bix-xelters. Wara waqfa ta’ kważi għaxar snin għax wieħed irid jiftakar ukoll fil-waqfa tal-festi  esterni minħabba l-Konċilju Reġjonali, il-Banda Queen Victoria dakinhar għamlet programm ġewwa Misraħ Churchill.

 

1946 - 1990

 

Nhar l-20 ta’ Jannar 1946 il-Banda Queen Victoria ħadet sehem fil-pussess ta’ l-Arċipriet Dun Salv Gauci billi wasslitu bid-daqq ta’ marċi brijużi mid-dar parrokkjali sal-Knisja Arċipretali u lura. Wara esegwiet programm ta’ l-okkażjoni f’Misraħ Churchill. Wieħed irid jagħmilha ċara li sa Novembru  ta’ dik is-sena l-Banda Queen Victoria kienet għadha l-unika banda ġewwa ż-Żurrieq. Kien ukoll fis-sena 1946 li l-kumitat beda jaħseb fil-proġett ambizzjuz tat-trufej u l-pedistalli tal-anġli għal Misraħ Churchill. Kien proġett kbir għal dawk iż-żminijiet. Id-disinn magħżul kien dak tas-Surmast Manwel Buhagiar u minnufih inbdew l-arbulari għal dan il-għan.

F’dan iż-żmien, in-numru ta’ bandisti tant beda jikber li l-kumitat ħass il-bżonn li tinxtara strumentatuta ġdida. Din inxtrat mid-Ditta LIGNA ta’ Praga permezz tad-ditta Maltija LUCIA tal-Belt Valletta.  Kien propju nhar il-11 ta’ Jannar 1948 li l-Arċipriet Dun Salv Gauci bierek din strumentatura fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali. Għaċ-ċerimonja kienu preżenti l-Prim Ministru Sir Paul Boffa,  il-Ministru tal-Ġustizzja Dottor Ġuże` Cassar, deputati tal-gvern u bosta ammiraturi tal-banda. Wara marċ brijuż mat-toroq tar-raħal, il-Banda Queen Victoria esegwiet programm ġewwa Misraħ Churchill.

F’Marzu 1950 kien żar il-każin il-Gvernatur Sir Gerald Hallen Creasy waqt li f’Mejju ta’ l-istess sena l-Banda Queen Victoria ħadet sehem bid-daqq ta’ innijiet reliġjużi fil-korteo li sar ġewwa ż-Żurrieq fl-okkażjoni tal-Kungress tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes t’Alla.

Nhar it-8 ta’ Lulju 1951 ġiet imżanżna l-bandalora artistika bix-xbieha tar-Reġina Vittorja, xogħol tal-pittur Malti Ġużeppi Caruana. Id-disinn tagħha huwa tas-Surmast Manwel Buhagiar u nħadmet ġewwa Milan.

Is-sena 1953 tibqa’ mniżżla fi ġrajjiet is-Soċjeta` u l-Banda bħala waħda importanti għal tliet raġunijiet. Fit-2 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena, il-Banda Queen Victoria ħadet sehem fi silata ma’ baned oħra ġewwa l-belt Valletta propju għaliex dak in-nhar kien jum l-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II.  Dik is-sena wkoll,is-Surmast Francesco Bugeja qata’ xewqet il-membri u l-partitarji meta għamel arranġament bandistiku għall-Innu l-Kbir lill-Madonna tal-Karmnu tas-Surmast Emanuel Bartoli. Il-poeta Dun Frans Camilleri ntalab jagħmel il-kliem bil-Malti għal dan l-innu. Ta’ kull sena, dan l-innu għadu jfawwar il-qalb tagħna l-Karmelitani x’ħin il-Filarmonika Nazzjonali La Vallette ssellem bih lill-istatwa devota tal-Madonna tal-Karmnu mal-miġja tagħha fil-misraħ. Fis-sena 1953 ukoll, il-kumitat, bi President is-Sur Joseph Bilocca, inkariga lill-imgħallem Salvu Tonna tar-Rabat sabiex jagħmel disinn għall-arkivju tal-Banda. Dan l-arkivju nħadem mis-Sur Bilocca nnifsu u ħuh Ġanni. Fin-nofs ta’ dan l-arkivju, l-imgħallem Tonna ħalla spazju biżżejjed biex tinrefa’ l-bandalora artistika li kienet ġiet inawgurata sentejn qabel.

Nhar is-Sibt 4 ta’ Lulju 1954 il-Banda Queen Victoria żanżnet planċier ġdid. Kien l-ewwel planċier li qatt iżżanżan ġewwa raħalna, fuq disinn ta’ l-imgħallem Toni Said minn Ħal Luqa. L-inawgurazzjoni saret mill-Prim Ministru ta’ Malta Dottor Ġorġ Borg Olivier waqt li t-tberik sar mill-Isqof Mons Emmanuel Galea. Kienet okkażjoni ta’ ferħ kbir li għaliha telgħu bosta personalitajiet distinti. Iżda jekk is-sena 1954 kienet sena ta’ ferħ, daqshekk ieħor kienet sena ta’ niket u gwaj u dan propju il-għaliex wara li sid il-każin rebaħ il-kawża sabiex jieħu l-post, is-Soċjeta` kien jenħtiġilha ssib dar oħra fejn tgħammar u din ma kinitx xi ħaġa faċli. Wara ħafna taħbit u taqtigħ il-qalb, l-Avukat Ġuże` Cassar li kien Ministru tal-Ġustizzja, f’Marzu 1955, ressaq b’urġenza liġi fil-parlament Malti dwar il-każini tal-baned u għalhekk is-Soċjeta` u l-Banda ġew salvati minn ħalq il-mewt.

Is-snin ħamsin jibqgħu mfakkra bħala snin li ġabu ħafna suċċessi lis-Soċjeta` u l-Banda meta dawn kienu jieħdu sehem flimkien ma’ karru trijonfali fl-isfilata tal-Karnival ġewwa l-Belt Valletta. F’dawn l-okkażjonijiet il-Banda Queen Victoria dejjem ħadet l-ewwel  premjijiet u wara kienet ukoll, fl-aħħar ġurnata tal-Karnival, tferraħ lin-nies taż-Żurrieq b’marċ karnivalesk mat-toroq tar-raħal. Din ta’ l-aħħar kienet tradizzjoni li mbagħad tkompliet tul is-snin sebgħin meta għal dan il-marċ ukoll kienu jittellgħu xi kumpaniji taż-żfin ħalli jkomplu jsebbħu l-ispettaklu.

F’Ġunju tas-sena 1956, is-Soċjeta` u l-Banda ġew ikkonsagrati lill-Qalb ta’ Ġesu` u lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Fil-każin intrama artal u f’nofsu tpoġġa l-kwadru kbir u antik tal-Qalb ta’ Ġesu` li dari kien tal-familja Zimmermann Barbaro. Wara li saret quddiesa bi tqarbina ġenerali ġewwa l-Knisja Arċipretali għall-membri, id-Direttur Spiritwali Dun Luret Zammit għamel l-att tal-Konsagrazzjoni fil-każin.

F’Mejju 1957 Mons. Arċisqof  Mikiel Gonzi għamel żjara fil-każin. Il-Banda Queen Victoria dak in-nhar laqgħetu fis-swali tagħha bid-daqq ta’ l-Innu Pontifiċju. Dak in-nhar l-Isqof Gonzi ħallielna l-karlotta tiegħu biex tibqa’ tifkira dejjiema ta’ din iż-żjara.

Sadanittant il-ġlieda dwar ir-restrizzjonijiet ħorox li kien ġab il-Konċilju Reġjonali fl-1935 kienet għadha għaddejja. Il-kumitat kien qed jaħdem id f’id mal-fratellanza sabiex l-affarijiet jimmeljoraw. Inħass il-bżonn li jitwaqqaf Kumitat Ċentrali sabiex jiġġieled għall-kawża komuni  tal-festi sekondarji. Il-battalja kienet waħda iebsa tant li ġie deċiż li jibdew trattivi mas-Santa Sede.

F’Ġunju 1959 il-Banda Queen Victoria għaddiet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Emanuel Bugeja. Id-deċiżjoni tal-kumitat li jafda l-Banda f’idejn dan il-bniedem sarrfet f’ħafna frott u suċċessi u dan jixhduh it-tnejn u tletin sena karriera li għamel ma’ din il-banda. Kien hu, flimkien ma’ Carmelo Sacco u Ġanni Farrugia li rawmu tant alljievi, illum ħafna minnhom bandisti attivi.

Fis-sena 1962 is-Soċjeta` u l-Banda għaddew taħt il-Presidenza tas-Sur Vincent Micallef, kariga li qeda fedelment għal 23 sena sħaħ. Taħt din il-Presidenza s-Soċjeta` u l-Banda kellhom ħajja dinamika ħafna, bis-sabiħ u l-ikrah li taf tagħti l-ħajja.

Nhar il-21 ta’ Settembru 1964, Malta saret indipendenti. Dak in-nhar il-baned ta’ Malta daqqew fil-lokal tagħhom iżda l-Banda Queen Victoria messitha x-xorti li tagħmel marċ fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, flimkien mal-Banda San Gejtanu tal-Ħamrun. Dak in-nhar ukoll esegwiet programm mużikali ġewwa Pjazza Reġina.

Is-sena 1964 tibqa’ mfakkra propju wkoll il-għaliex żewġ benefatturi kbar tas-Soċjeta` - Ġuże` Darmanin u Salvu Farrugia rregalaw biċċa art lill-istess Soċjeta` fix-xagħri ta’ Wied Babu sabiex fuqha setgħu jinbnew il-kmamar tan-nar. Ġest nobbli li minnu għadna ngawdu sal-lum.

Tul is-snin sittin u sebgħin, is-Soċjeta` u l-Banda kellhom ħafna żjarat. Insemmu ż-żjara ta’ l-Isqof Karmnelitan Malti Mons. Redent Gauci, il-Gvernatur Sir Maurice Dorman, l-Isqof t’Arezzo Mons. Telesforo Cioli u l-Ambaxxatur Taljan Dottor Antonio Dazzi.            

Kien tul is-snin sebgħin li l-Banda Queen Victoria reġgħet bdiet tkun mistiedna sabiex iddoqq fl-okkażjoni ta’ l-ewwel quddiesa sollenni ta’ saċerdoti Żrieraq. Infatti wara li f’Awissu 1956 kienet daqqet fl-ewwel quddiesa ta’ Dun Karm Vella ġewwa Ħal Safi, kellhom jgħaddu tmintax –il sena biex reġgħet għamlet dan ġewwa ż-Żurrieq. Infatti kien nhar it-30 ta’ Ġunju 1974 li l-Banda Queen Victoria daqqet f’okkażjoni bħal din.  Dak in-nhar kien għamel l-ewwel quddiesa tiegħu Dun Karm Camilleri, illum Kappillan ta’ Ħal Luqa. Tul is-snin ħamsin u sittin, kienu sitt saċerdoti Żrieraq li rrifjutaw sehem il-Banda fl-ewwel quddiesa tagħhom. Wieħed irid ifakkar li tul dawk is-snin, ir-relazzjonijiet bejn is-Soċjeta` u l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi xejn ma kienu sbieħ u dan minħabba l-kwistjoni tal-festi sekondarji li semmejna aktar qabel.

Kien fl-1975 li l-Gvern Malti neħħa l-jedd ta’ l-Awtorita` Ekkleżjastika minn fuq iċ-ċelebrazzjonijiet esterni. Issa Malta kienet saret repubblika u issa, il-prinċipju li ċ-ċittadini huma kollha ugwali quddiem il-liġi u għandu jkollhom l-istess drittijiet ħadd ma seta’ jinnegah. Wieħed jista’ jimmaġina l-festa tal-Madonna tal-Karmnu ta’ dik is-sena kemm ġabet dmugħ ta’ ferħ f’għajnejn il-partitarji. Issa l-festi ta’ barra kienu se jieħdu r-ruħ u l-kumitat tgħabba bir-responsabbilta` li jagħmel dak kollu possibbli biex iġib il-finanzi ħalli l-festa ta’ barra tibda tqum fuq saqajha.

Nhar is-Sibt 10 ta’ Lulju 1976 kien jum l-inawgurazzjoni tal-planċier artistiku rinovat. Ix-xogħol fuq din ir-rinovazzjoni tal-planċier li kien iżżanżan fl-1954 kienu ilu li nbeda mill-1974. Kien jum storiku ieħor għaliex għal dik l-okkażjoni ż-Żurrieq kienu telgħu bosta personalitajiet distinti, fosthom il-President ta’ Malta Sir Anthony Mamo u s-sinjura tiegħu bl-akkumpanjament tal-Kavallerija, l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Mikiel Gonzi, Ministri tal-Gvern, deputati miż-żewġ naħat tal-kamra u folol bla għadd.

Nhar is-7 ta’ Novembru 1977 ħalla din il-ħajja Dun Luret Żammit, Direttur Spiritwali għal tlieta u erbgħin sena. Fil-funeral, kif kien xieraq, ħadet sehem il-Banda Queen Victoria. Fis-Seduta Ġenerali Annwali ta’ nhar il-21 ta’ Jannar 1978, Patri Pierre Tumas Gatt, Karmelitan ġie maħtur unimament bħala Direttur Spiritwali, kariga li għadu jokkupa sal-lum.      

Għal sentejn fuq xulxin, fl-1977 u fl-1978 il-Banda Queen Victoria messitha x-xorti li tieħu sehem fl-isfilata ta’ Jum ir-Repubblika ġewwa l-Belt Valletta. Imbagħad nhar il-Ħadd l-1 t’April 1979, ħadet sehem b’marċ ġewwa ż-Żurrieq biex jitfakkar Jum il-Ħelsien. Ftit ġranet qabel irrekordjat l-INNU MARĊ Jum il-Ħelsien tas-Surmast Emanuel Bugeja ġewwa t-Teatru Manoel, il-Belt Valletta.

Fis-snin sebgħin, fuq l-inizjattiva ta’ diversi membri ħabrieka tas-Soċjeta`, għall-jiem tal-festa, il-faċċata tal-każin kienet tiġi mżejna b’ħafna simboli u disinji lkoll magħmula mill-fjuri tal-karti. Kien imbagħad għall-festa tas-sena 1979 li l-grupp dekorattiv żanżan it-tiżjin ta’ l-istess faċċata fuq l-injam bix-xogħol tal-pittura jkun afdat f’idejn l-imgħallem Salvu Dalli. Forsi seta’ kien dan il-pass ambizzjuz li ġiegħel lill-istess grupp dekorattiv li għall-festi tal-Milied ta’ dik is-sena, jieħu l-inizjattiva li jżejjen l-istess faċċata u Triq il-Kbira b’ħafna dawl mekkanizzat. Għal bosta drabi, dan it-tiżjin ġie mogħti l-ewwel premju mill-Kumitat Festi Nazzjonali.

Is-snin tmenin kienu snin dinamiċi ħafna għas-Soċjeta` Karmelitana u l-Banda Queen Victoria. Il-kumitati tas-snin tmenin tefgħu ħarsithom fuq l-armar tal-festa biex b’hekk ir-rebħa tal-prinċipju li barra kulħadd jista’ jarma kemm irid tirnexxi mija fil-mija. Għaldaqstant kien hemm il-ħtieġa ta’ bosta attivitajiet ta’ fundraising biex jinġabru l-ispejjeż neċessarji. Kienu bosta l-attivitajiet soċjali mtellgħin f’dawn is-snin u li dejjem taw in-nifs meħtieġ biex ta’ kull sena għall-festa toħroġ xi biċċa armar ġdida.

Il-festa tal-Madonna tal-Karmnu għas-sena 1981 kienet waħda speċjali. Fl-ewwel ta’ Lulju ġie mfakkar kif inhu xieraq għeluq il-ħamsa u għoxrin sena mill-Konsagrazzjoni tas-Soċjeta` u l-Banda. Iżda aktar minn hekk, nhar il-21 ta’ Lulju ġie inawgurat bust tas- Surmast Carmelo Zammit ġewwa l-każin. Għal dik l-okkażjoni kien tela’ jonorona għat-tieni darba fl-istorja l-Isqof Karmelitan t’Arezzo Mons. Telesforo Cioli li nzerta kien Malta minħabba li f’dik is-sena wkoll il-Kommunita` tal-Patrijiet Karmelitani tal-Belt Valletta fakkru għeluq il-mitt sena mill-inkurunazzjoni tal-kwadru li hemm ġewwa s-Santwarju Bażilika tagħhom.

Nhar l-Erbgħa 31 ta’ Marzu 1982, fuq l-inizjattiva ta’ l-Onorevoli Perit Karmenu Vella, is-Soċjeta` u l-Banda laqgħu fil-każin lil Bersaglieri wara li dawn daqqew xi marċi ferriħija fi Triq Mons. Pietru Pawl Saydon u f’Misraħ Mattia Preti. L-għada, l-1 t’April, il-kumitat ħatar lil Mro. Alfred Farrugia bħala Assistant Surmast. Il-festa tas-sena 1982 ntemmet b’xi ftit togħma morra wara li għall-ħabta ta’ nofsinhar ta’ jum il-festa, Anthony Azzopardi, illum President Onorarju, weġġa’ serjament waqt il-ħruq tan-nar.

Is-sena 1984 kellha s-sabiħ u l-ikrah imħalltin flimkien. Dik is-sena kienet bdiet taħraq sew il-kwistjoni tal-mixegħla tal-faċċata tal-knisja mill-ewwel jum tat-tridu, talba li kienet ilha għal żmien twil miċħuda. F’seduta ġenerali straordinarja li tlaqqgħet propju ħmistax qabel il-festa, is-soċi ħadu pożizzjoni iebsa kontra l-Awtorita` Ekkleżjastika propju minħabba li ftit jiem qabel kienet reġgħet waslet risposta fin-negattiv għal din it-talba. Iżda jekk kien hemm dan id-diżgwid, daqshekk ieħor is-Soċjeta` Karmelitana u l-Banda Queen Victoria kienu qegħdin jifirħu propju l-għaliex tnejn mill-ulied sinċieri tagħha, is-Segretarju Emanuel Camilleri u s-Surmast Direttur Mro. Emanuel Bugeja kienu qegħdin ifakkru l-Ġublew tal-Fidda mid-dħul fil-karigi rispettivi tagħhom. Dan l-anniversarju ġie mfakkar fi programm strumentali mill-aqwa u festin ġewwa l-każin nhar l-Erbgħa 18 ta’ Lulju. Dak in-nhar il-Banda Queen Victoria esegwiet b’suċċess il-Preludju ĠUBLEW TAL-FIDDA li s-Surmast Bugeja kien għadu kif kiteb għal dik l-okkażjoni memorabbli.

Fl-għodwa ta’ nhar it-Tnejn 2 ta’ Settembru 1985 is-soċi qamu maħsuda bl-aħbar tal-mewt għall-għarrieda tal-President Vincent Micallef fl-għomor ta’ 61 sena. Il-Banda Queen Victoria, kif dejjem għamlet ma’ dawk li ħadmu fi ħdanha, sellmitlu bil-marċi funebri u akkumpanjatu fil-funeral mid-dar tiegħu fi Triq l-Imqabba sal-Knisja Arċipretali. F’dawk iċ-ċirkustanzi, in-Nutar Dottor Joseph Darmanin beda jassumi r-responsabbilta` ta’ Aġent President sakemm imbagħad ġie konfermat President f’Jannar ta’ 1986.

Il-festa tal-Madonna tal-Karmnu tas-sena 1986 tibqa’ mfakkra propju l-għaliex nhar il-Ħadd 20 ta’ Lulju, Ħadd qabel il-festa, għall-ewwel darba, il-Banda Queen Victoria ħadet sehem fil-ħruġ ta’ l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu min-niċċa.

F’Marzu 1987 il-kumitat għamel pass għaqli ħafna meta ħataf l-opportunita` u xtara l-Maħżen FJUR TAL-KARMELU fi Triq it-23 ta’ Lulju 1942.

Kellha tkun il-festa ta’ l-1988 li tagħlaq il-kapitlu dwar il-kwistjoni tal-mixegħla tal-faċċata tal-Knisja. Nhar l-1 ta’ Lulju, il-Kurja ta’ l-Arċisqof ħarġet Ċirkolari li fiha għarrfet li minn dik il-ġurnata ‘l quddiem il-faċċati tal-knejjes setgħu jinxtegħlu fil-festi kollha relevanti għall-kommunita` parrokkjali u li din il-mixegħla setgħet tiġi estiża għall-jiem tat-tridu. It-talba ġusta fl-aħħar kienet intlaqgħet. Immedjatament tlaqqgħet seduta ġenerali straordinarja li permezz tagħha r-relazzjonijiet bejn il-kumitat u l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi reġgħu ġew għan-normal.

Jekk hemm sena li tibqa’ tissemma bħala l-aktar waħda ta’ swied il-qalb għas-Soċjeta` Karmelitana u l-Banda Queen Victoria, hija bla dubju s-sena 1989. Sewwa sew  nhar il-Ħamis 4 ta’ Mejju, għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ wara nofsinhar, waqt maltempata qalila li raw dawn il-gżejjer, sajjetta tolqot waħda mill-kmamar tan-nar bil-konsegwenza li din tisplodi u tħalli vittmi lil Nenu Zahra ta’ 36 sena u lil Narcy Schembri ta’ 17 -il sena. Kulħadd baqa’ ssummat. Iż-Żurrieq kollu waqa’ f’luttu kbir.  Kienet daqqa kiefra għas-Soċjeta` u l-Banda. Il-funeral tal-vittmi sar nhar il-Ħadd 7 ta’ Mejju bis-sehem tal-Banda Queen Victoria. Attendew folol bla għadd li ż-Żurrieq qatt ma ra bħalhom. Dik is-sena, propju minħabba din it-traġedja, il-festi esterni tal-Madonna tal-Karmnu ma sarux. Din id-deċiżjoni ħaduha s-soċi stess f’seduta ġenerali straordinarja li tlaqqgħet ftit ġimgħat wara t-traġedja. Il-purċissjoni ħadet ix-xejra ta’ pellegrinaġġ aux flambeaux.

Is-sena 1990 ġabet magħha anniversarju importanti ħafna. Għeluq il-mija u ħamsa u għoxrin sena mit-tnissil ta’ l-ewwel banda fiż-Żurrieq, illum Banda Queen Victoria. Il-kumitat ħa ħsieb jaħtar kummissjoni speċjali biex tippjana tajjeb iċ-ċelebrazzjonijiet speċjali li kellhom isiru. Iċ-ċelebrazzjonijiet fetħu nhar is-Sibt 14 ta’ Lulju b’korteo lejn iċ-ċimiterju parrokkjali u għalqu nhar it-Tlieta 31 ta’ Lulju b’quddiesa fil-Knisja Arċipretali. Il-qofol tagħhom kien bla dubju nhar l-Erbgħa 25 ta’ Lulju meta sar programm strumentali mill-aqwa, kxif ta’ lapida komemmorattiva u riċeviment fil-każin. Għal dik l-okkażjoni, is-Sur Anthony Chircop, illum President Onorarju, kien ħejja ktieb tassew interessanti bl-istorja tal-Banda Queen Victoria.

 

1850-1900
1946-1990
1900-1945
1991-2000

1991- 2000

 

Għall-ewwel darba fl-istorja, nhar il-Ħadd 28 t’April 1991, is-Soċjeta` u l-Banda kellhom żjara mill-Prijur ta’ l-Ordni Karmelitan Patri John Malley. Wara li qaddes fil-Knisja Arċipretali, huwa kien mistieden fil-każin għal riċeviment. Ħallielna ritratt tiegħu ffirmat biex jibqa’ tifkira ta’ din iż-żjara.              

Is-sena 1991 rat bidla fit-tmexxija tal-banda. Fil-programm ta’ lejlet il-festa ta’ dik is-sena, is-Surmast Emanuel Bugeja għadda l-bakketta lis-suċċessur tiegħu Mro. Alfred Farrugia wara tnejn u tletin sena f’din il-kariga. Kienet xena tassew kommoventi imma fl-istess ħin ta’ unur kbir għalina lkoll għaliex għal darb’oħra rajna t-tmexxija tal-Banda Queen Victoria tgħaddi f’idejn wild ieħor tagħha stess. Fil-programm strumentali ta’ dak il-jum storiku l-banda esegwiet kompożizzjoni ġdida tas-Surmast Alfred Farrugia – Poema Sinfonica VICTORIAN VICTORIES.

L-ewwel suċċess għas-Suirmast Farrugia ma damx ma wasal wisq. Nhar il-Ħadd 10 ta’ Mejju 1992, il-Banda Queen Victoria, flimkien mal-Banda Maria Mater Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar tellgħet kunċert strumentali ġewwa t-teatru ta’ l-Istitut Kattoliku l-Furjana. Kien kunċert kbir li fih is-Surmast Farrugia mill-ewwel wera l-kapaċitajiet kbar tiegħu fil-qasam tad-direzzjoni. Aktar ma beda għaddej iż-żmien is-Surmast Farrugia kompla juri l-ħiliet tiegħu u l-għaqal fit-tmexxija tal-banda. Dan jixhduh il-kunċerti ta’ livell li tella’ mal-Banda Queen Victoria fit-teatri ewlenin ta’ pajjiżna fosthom it-teatru Manoel u s-Sala Sir Temi Zammit ġewwa l-Universita`.

Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Mejju 1992 delegazzjoni mill-kumitat immexxija mill-President Dottor Joseph Darmanin kellha x-xorti tiltaqa’ mal-Majesta` Tagħha r-Reġina Eliżabetta II u d-Duka ta’ Edinburgh meta f’dawk il-jiem kienu għal żjara statali ġewwa pajjiżna. F’din il-laqgħa li saret ġewwa s-Sacra Infermeria, ħadu sehem dawk ir-rappreżentanti ta’ għaqdiet li b’xi mod jew ieħor għandhom rabta mal-Familja Rjali.      

Fis-sena 1992 tfakkar kif kien xieraq għeluq il-mija u ħamsin sena mill-miġja ta’ l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu ġewwa ż-Żurrieq. L-akbar avveniment min-naħa tas-Soċjeta` li fakkar din il-ġrajja kbira kien il-programm vokali u strumentali li sar nhar l-Erbgħa 22 ta’ Lulju ġewwa Misraħ ir-Repubblika. Kien programm imżewwaq sewwa b’mużika marjana kif  fuq kollox kienet titlob okkażjoni bħal din. Il-kumitat ħa ħsieb li għal dan l-anniversarju jqiegħed lapida komemmorattiva fi Triq Dun Carlo De Giovanni Inglott.

Is-sena 1993 rat it-twaqqif uffiċċjali ta’ żewġ sezzjonijiet importanti. Kien nhar il-Ħadd 11 t’April li grupp ta’ żgħażagħ iltaqgħu fil-każin u ffurmaw is-Sezzjoni Żgħażagħ Karmelitani bl-ewwel President ikun Ignatius Farrugia, illum Sindku taż-Żurrieq. Imbagħad fl-1 ta’ Ġunju twaqqfet is-Sezzjoni Nisa Karmelitani bl-ewwel Presidenta tkun Maria Darmanin. Dawn iż-żewġ sezzjonijiet huma ta’ għajnuna kbira għas-Soċjeta` u l-Banda kemm mil-lat finanzjarju kif ukoll mil-lat materjali. Il-koperazzjoni li juru mal-kumitat ċentrali hija xi ħaġa ta’ min ifaħħarha u dejjem ħalliet il-frott mixtieq.

Nhar l-10 ta’ Lulju 1993 ġie organizzat il-ftuħ ta’ l-imħażen il-ġodda fi Triq Filippu Farrugia. Il-kumitat kien ilu s-snin jesplora kif jista’ jpoġġi l-armar tal-festa f’post wieħed fejn ukoll tkun tista’ ssirlu l-manutenzjoni meħtieġa. Fl-aħħar din il-ħolma kienet saret realta`. L-imħażen inbnew fuq il-pjanta ta’ l-Onorevoli Perit Karmenu Vella, illum President Onorarju. L-imħażen ġew inawgurati mill-President Dottor Joseph Darmanin u mbierka mid-Direttur Spiritwali Patri Pierre Tumas Gatt.

Il-festa tas-sena 1993 għal drab’oħra kienet waħda speċjali u dan propju għaliex nhar il-Ħadd 18 ta’ Lulju, l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu nġiebet lura mill-Imdina fejn kienet saritilha induratura ġdida mill-imgħallem Horace Farrugia. Il-Banda Queen

Victoria laqgħet lill-istatwa fi Vjal il-Blue Grotto u daqqet innijiet marjani tul it-triq kollha sal-Knisja Arċipretali.

Fis-seduta ġenerali annwali ta’ nhar is-Sibt 2 t’Ottubru 1993, il-President Dottor Joseph Darmanin qara ittra mis-sidien tal-każin fejn qalu li dak il-post kien għall-bejgħ. Issa t-tentattivi biex il-każin isir propjeta` tas-Soċjeta` kienu waslu fi tmiemhom. Il-membri qablu li dan il-post jinxtara minnufih. Hekk sar u nhar l-Erbgħa 10 ta’ Novembru sar il-kuntratt quddiem in-Nutar Joseph Henry Saydon. Il-kumitat talb lill-Perit Karmenu Vella sabiex iħejji l-pjanti f’konsultazzjoni miegħu. Sadanittant inħatret kummissjoni speċjali li kellha tkun responsabbli għall-proġett tal-bini tal-każin il-ġdid. Il-permessi għall-bini ħarġu mill-MALTA PLANNING AUTHORITY nhar l-Erbgħa 20 ta’ Lulju 1994 u f’Settembru beda x-xogħol tat-twaqqigħ tal-maħżen fi Triq Mons. Pietru Pawl Saydon li kien ixtara f’Jannar ta’ l-1993. F’Ottubru beda t-tqattigħ tal-blat waqt li f’Diċembru beda l-ippjantar tas-sular t’isfel.L-ewwel saqaf tal-każin il-ġdid tqiegħed nhar it-Tlieta 7 ta’ Marzu tas-sena 1995. L-ewwel fażi tal-bini ġiet inawgurata nhar il-Ħadd 19 ta’ Mejju 1996. Dak in-nhar, f’ċeremonja simbolika, il-President Dottor Joseph Darmanin għalaq għall-aħħar darba l-bieb tal-każin l-antik f’Misraħ ir-Repubblika u waqt li tniżżel l-arblu, ġiet sparata musketterija. Issa, għal żmien temporanju, is-Soċjeta` u l-Banda kienu sejrin jgħammru fi Triq Mons. Pietru Pawl Saydon sakemm imbagħad kellha titlesta t-tieni fażi tal-bini.

Il-festa tas-sena 1996 tibqa’ mfakkra l-aktar għaż-żjara li għamel fostna n-Nunzju Appostoliku għal Malta Mons. Sebastian Laboa. Wara li ppresieda l-quddiesa ta’ lejlet il-festa ġewwa l-Knisja Arċipretali, huwa kien mistieden għal riċeviment fil-każin. Kellu kliem ta’ tifħir għall-organizzazzjoni tal-festa u l-kariżma karmelitana li ħassha madwaru f’dik il-lejla speċjali.

Nhar il-Ħadd 13 t’April 1997 kien jum storiku ieħor għas-Soċjeta` u l-Banda propju l-għaliex dak in-nhar tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-każin il-ġdid mill-President ta’ Malta l-Eċċ. Tiegħu Dottor Ugo Mifsud Bonnici. It-tberik sar mill-Arċipriet Dun Karm Farrugia.

F’Ġunju ta’ dik is-sena nkitbet paġna glorjuża oħra bil-mawra tal-Banda Queen Victoria ‘l barra minn xtutna meta ħadet sehem fil-festi ta’ San Pawl f’Palazzolo Acreide ġewwa Sqallija.

F’Diċembru 1999 il-kumitat ħatar bord editorjali sabiex jintroduċi l-fuljett bl-isem L-ISTILLA KARMELITANA li kellu l-iskop li jżomm lill-membri u lill-partitarji aġġornati bl-anadament tas-Soċjeta` u l-Banda. Din ma kinitx xi ħaġa ġdida l-għaliex anke fis-snin sittin, fuq l-inizjattiva tas-Sur Ġużi Dalli, illum President Onorarju, il-kumitat kien jippubblika l-gazzetta bl-isem IŻ-ŻURRIEQ.    

F’Marzu tas-sena 2000, il-Banda Queen Victoria kellha tkun l-ewwel banda fiż-Żurrieq li taġġorna ruħha maż-żminijiet u tirrekordja għall-ewwel darba l-marċi tagħha fuq Compact Disc. Dik is-sena saru tliet laqgħat ġenerali starordinarji sabiex seta’ jiġi rivedut l-istatut tas-Soċjeta`. Fuq kollox is-sena 2000 ġabet magħha anniversarju importanti – għeluq il-mitt sena mill-għaqda li seħħet fl-1900 bejn iċ-CIRCOLO LA STELLA illum SOĊJETA` KARMELITANA u l-FILARMONICA LA CONCORDIA illum BANDA QUEEN VICTORIA. Il-qofol ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet intlaħaq nhar l-Erbgħa 19 ta’ Lulju fil-programm strumentali tal-ġimgħa tal-festa. Dak in-nhar is-Surmast Alfred farrugia ppreżenta s-Suite COR UNUM li fiha wera mużikalment x’kienet tfisser din l-għaqda li kienet seħħet mitt sena qabel. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-festi ta’ raħalna, lejlet il-festa ta’ dik is-sena, kellna fostna banda barranija – il-LINCOLNSHIRE YOUTH SYMPHONIC WIND BAND.

 

2001 -

 

Is-sena 2001 kienet sena speċjali għall-fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu propju għaliex kienet qiegħda tfakkar għeluq il-mitejn sena mit-twaqqif tagħha. Għal dik l-okkażjoni l-Banda Queen Victoria żewqet tajjeb ħafna l-programm strumentali tal-ġimgħa tal-festa billi ġiet esegwita wkoll ħafna mużika Marjana, fosthom l-Antifona FLOS CARMELI tas-Surmast Paolo Nani miktuba fl-1844.

Nhar id-19 ta’ Mejju 2002 tqiegħdet l-aħħar ġebla fil-bini tal-każin il-ġdid fost is-sodisfazzjon ta’ dawk il-membri kollha li taw is-sehem tagħhom u li issa kienu qegħdin jaħsbu għall-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett hekk ambizzjuz.

Għat-tieni darba fl-istorja, nhar is-6 ta’ Mejju 2003 is-Soċjeta` u l-Banda kellhom żjara mill-prijur Ġenerali ta’ l-ordni Karmelitan, din id-darba Patri Joseph Chalmers. Għall-okkażjoni tal-festa ta’ dik is-sena l-kumitat ħareġ il-Compact Disc WARDA SBEJĦA TAL-KARMELU biex hekk qata’ x-xewqa ta’ ħafna membri u partitarji, u ġabar flimkien dawk il-ħafna innijiet Marjani li tippossiedi l-Banda Queen Victoria. Is-sena 2003 tibqa’ mfakkra wkoll għall-inawgurazzjoni tar-radju kommunitarju LEĦEN IL-KARMELITANI li għandu l-iskop li jwassal iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa lil dawk kollha li ma jistgħux joħorġu minn djarhom u lil ħutna emigranti li ma jistgħux igawdu l-festa magħna. Dan ir-radju tant kiseb popolarita` li issa qiegħed ixandar ukoll fil-ġranet tal-Milied bi skop filantropiku. U mar-radju tajjeb insemmu l-website www.carmelitesocietyzurrieq.com li jum wara l-ieħor iżżommna aġġornati b’dak kollu li jgħaddu minnu u jwettqu s-Soċjeta` u l-Banda.

Wara nuqqas ta’ sbatax -il sena, is-Soċjeta` Karmelitana reġgħet irritronat b’suċċess fil-kompetizzjoni nazzjonali tat-tiżjin tat-toroq fil-Milied. Kien nhar l-Erbgħa 8 ta’ Diċembru 2004 meta reġgħet inxtegħlet Triq il-Kbira bid-dwal tal-Milied. Inizjattiva ta’ min ifaħħarha u j’alla tkompli fis-snin li ġejjin.

Is-sena 2005 rat anniversarju ieħor importanti. Għeluq il-mija u erbgħin sena mit-twaqqif ta’ l-ewwel banda fiż-Żurrieq, il-Banda Queen Victoria. Saru bosta ċelebrazzjonjiet mifruxin matul is-sena kollha. Insemmu l-kunċert ta’ mużika sagra li tellgħet il-Banda Queen Victoria ġewwa s-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta bis-sehem ta’ l-aqwa kantanti liriċi Maltin, il-marċ li għamlet il-Banda Queen Victoria ġewwa Triq ir-Repubblika l-Belt flimkien ma’ l-ewwel banda Karkariża Duke of Connaught li wkoll kienet qed tfakkar għeluq il-mija u erbgħin sena mit-twaqqif tagħha. Ħadd ma jista’ jinsa dawk i-xeni tal-funtani mużikali fil-programm strumentali ta’ nhar l-Erbgħa 20 ta’ Lulju fejn rajna l-ilma jissinkronizza mal-mużika. Fl-aħħarnett dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għalqu bil-kbir bil-programm strumentali li l-Banda Queen Victoria tellgħet ġewwa s-Sala Sir Temi Zammit ta’ l-Universita` nhar is-Sibt 3 ta’ Diċembru.

Is-Sibt 15 ta’ Lulju 2006 kien il-jum tant mistenni għalina l-Karmelitani Żrieraq, jum l-inawgurazzjoni tal-każin il-ġdid. Fit-8.20 pm assistejna għall-wasla ta’ l-E. T. Mons. Silvestru Carmelo Magro OFM, Amministratur Appostoliku ta’ Benghazi, fil-Libja. F’dan il-mument il-Banda Queen Victoria, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Alfred Farrugia, esegwiet l-Innu Pontifiċju ta’ Charles Gounod. Fit-8.30 pm assistejna għall-wasla ta’ l-E. T. Dr. Edward Fenech Adami, President ta’ Malta u s-Sinjura Fenech Adami. Hawnhekk il-Banda Queen Victoria daqqet l-Innu Malti ta’ Dr. Robert Samut. Ma’ tmiem din l-esekuzzjoni, is-Sinjura Fenech Adami ġiet ippreżentata b’bukkett fjuri mill-bandista Miriana Schembri.

Wara introduzzjoni qasira mill-preżentatur is-Sur Peter Paul Ciantar, il-Banda Queen Victoria esegwiet dan il-programm taħt id-direzzjoni tas-Surmast Alfred Farrugia:

 

 

Ballet                                       SYLVIA                                                 L. Delibes

                                                                                                                        Arr. C. Caruana

 

Suite                                        JUPITER                                               G. Holst

 

Capriccio                                       ITALIEN                                         P. I. Tchaikovsky

 

 

 

Suite                                        CEREMONIAL SUITE 2006                   A. Farrugia

-The Inspiration

-The Suffering

-The Progress

-The Fascinating Reality

 

Omaggio                                 ALLA QUEEN VICTORIA                       E. Bugeja

Tajjeb ngħidu li f’din l-okkażjoni memorabbli s-CEREMONIAL SUITE 2006 ta’ Mro. Farrugia kienet qiegħda tindaqq għall-ewwel darba. Fiha l-kompożitur ried joħroġ mużikalment dak kollu li kien ifisser dan il-proġett ambizzjuż għall-membri u l-partitarji Karmelitani. Ma’ tmiem il-programm sar diskors mill-President Dr. Joseph Darmanin fejn wera l-ferħ tal-membri f’din il-ġurnata hekk kbira u ta ħjiel ta dak li għaddiet minnu s-Soċjeta` biex illum waslet ħalli żżanżan dan il-monument f’Misraħ ir-Repubblika. Huwa qal li dak kollu li sar u li se jsir minn din is-Soċjeta` u Banda huwa biss xhieda tal-kariżma karmelitana ġewwa ż-Żurrieq. Wara tkellem il-President ta’ Malta l-E. T. Dr. Edward Fenech Adami. Beda biex qal li bħala l-Kap ta’ l-Istat qiegħed iħossu onorat li se jmexxi ċ-ċerimonja tal-ftuħ ta’ dan il-monument wara snin twal ta’ ħidma mill-membri. Faħħar ħafna lis-Surmast Farrugia għall-kompożizzjoni u l-esekuzzjoni tas-CEREMONIAL SUITE għax kif qal hu, hija biċċa mużika li ddaħħlek fl-ispirtu ta’ dak li għaddiet minnu s-Soċjeta` fil-bini ta’ dan il-każin ġdid. Huwa qal li ħa pjaċir ħafna jisma’ lill-President tas-Soċjeta` jgħid li dan il-każin u l-ħidmiet tas-Soċjeta` Karmelitana u Banda Queen Victoria se jibqgħu jkunu xhieda tal-kariżma karmelitana għax b’hekk inkomplu nibnu fuq dak li għaddewlna missirjietna li wkoll sa eluf ta’ snin qabel Kristu, ħasbu biex jibnu tempji lil allat tagħhom biex iservu ta’ monumenti li jfakkruhom kull ħin f’dak li kienu jemmnu fih.

U hawnhekk wasal il-waqt tant mistenni meta l-E. T. il-President ta’ Malta, akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu, mill-E. T. Mons. Silvestru Carmelo Magro OFM, mill-President tas-Soċjeta` Dr Joseph R. Darmanin, membri tal-kumitat, id-Deputat Mexxej tal-Malta Labour Party in-Nutar Charles Mangion,  is-Sindku s-Sur Ignatius Farrugia u l-Arċipriet Dun Charles Attard, resaq lejn il-bieb prinċipali tal-każin u waqt li bil-mod il-mod ittellgħet purtiera bajda li kienet qiegħda tiksi ‘l-faċċata, il-Banda Queen Victoria daqqet l-OLYMPIC FANFARE AND THEME ta’ L. Arnaud u J. Williams fuq arranġament tas-Surmast Alfred Farrugia u ibnu Mauro. Il-President Fenech Adami mbagħad qata’ ż-żigarella u fetaħ il-bieb tal-każin il-ġdid fost iċ-ċapċip tremend tal-folla preżenti li għal dakinhar ukoll setgħet issegwi kollox minn fuq big screen. F’dan il-ħin inħarqet kaxxa infernali.

Malli l-mistednin distinti daħlu fil-każin, il-President ta’ Malta kixef irħama kommemorattiva li ġiet imbierka mill-Isqof Mons. Silvestru Carmelo Magro OFM. Il-kliem fuq din l-irħama jgħid hekk:

 

F’DAN IL-JUM STORIKU

L-IMSEĦBIN TA’ L-GĦAQDA KARMELITANA

U

BANDA QUEEN VICTORIA

JIFIRĦU BIL-BINI MILL-ĠDID

TAL-KAŻIN TAGĦHOM

WAQT LI JRODDU ĦAJR LILL-MEMBRI QALBIENA

GĦALL-GĦAJNUNA TAGĦHOM

U JAGĦTU GIEĦ LILL-IMQADDSA VERĠNI

TAL-KARMELU

LI LILHA JĦOBBU U L-ĦARSIEN TAGĦHA JFITTXU

Mikxufa fil-ftuħ uffiċjali ta’ dan il-każin

mill-E. T. Dr. Edward Fenech Adami

President tar-Repubblika ta’ Malta

u mbierka mill-E. T. Mons. Silvestru Carmelo Magro OFM

Isqof ta’ Benghazi

Illum is-Sibt 15 ta’ Lulju 2006

 

Wara dan, il-President ta’ Malta l-E. T. Dr. Edward Fenech Adami u s-Sinjura tiegħu flimkien ma’ l-Isqof Magro u bosta mistednin distinti oħra fosthom l-Onor. Ministri Louis Galea u Ninu Zammit,  l-Onor. Segretarju Parlamentari Helen D’Amato, l-Onor. Dr. Joseph M. Sammut u l-Onor. Perit Karmenu Vella (President Onorarju)  telgħu fis-Sala MADONNA TAL-KARMNU fejn iffirmaw il-ktieb tal-viżitaturi. Għal din l-okkażjoni, l-Isqof Magro għoġbu jibdel il-karlotta tiegħu biex tibqa’ tifkira taż-żjara tiegħu ġewwa l-każin. Ingħata bidu għar-riċeviment  u f’dan il-mument il-President tas-Soċjeta` Dr. Joseph Darmanin ġie ppreżentat b’bosta rigali minn delegazzjonijiet tal-każini tal-baned u individwi. Għal din l-okkażjoni ġew imżanżna l-ewwel żewġ pitturi fis-Sala MADONNA TAL-KARMNU, it-tnejn li huma xogħol il-Kav. Pawlu Camilleri Cauchi. Waħda minnhom turi lill-Madonna tal-Karmnu u tħallset mis-Sinjuri Francis u Joseph Vella waqt li l-oħra turi lil Santa Ċeċilja u tħallset mis-Sur Ninu Saliba u l-familja tiegħu.  Waqt  ir-riċeviment, il-membri tal-Mt. Carmel Fireworks Factory taw spettaklu ta’ nar ta’ l-ajru mill-aqwa.

Nhar it-Tnejn 30 t’April 2007 inkitbet paġna oħra tad-deheb fl-istorja tas-Soċjeta` Karmelitana meta għall-ħabta ta’ nofs il-lejl neqsin kwart ta’ dak il-jum, tħabbar li l-Mt. Carmel Fireworks Factory taż-Żurrieq kienet ir-rebbieħa tal-Festival Pirotekniku Internazzjonali ta’ Malta 2007 u li kien iġib l-isem FLOWERS OF FIRE. Dan il-festival inżamm ġewwa l-Valletta Waterfront bejn is-Sibt 28 t’April u t-Tnejn 30 t’April. Flimkien mal-kamra tan-nar tagħna, ħadu sehem ir-Royal Fireworks Design (Awstrija), is-St. Joseph Fireworks Factory (Ħal Għaxaq) u l-Yung Yeng Fireworks (Ċina). Il-Mt. Carmel Fireworks Factory kien imissha tagħti l-ispettaklu tagħha nhar is-Sibt 28 t’April, f’nofs il-lejl neqsin kwart. Il-kelma fuq fomm dawk preżenti kienet li l-kamra tan-nar taż-Żurrieq kienet tat spettaklu eċċezzjonali. U fil-fatt hekk kien għax propju jumejn wara, il-ġurija internazzjonali tat il-verdett tagħha b’rebħa għal din il-kamra tan-nar. Infatti l-unuri miksuba kienu dawn: The overall winner of the festival, the best fireworks shells, best colours, best original fireworks products, best choreography u best display according to public opinion. Is-Sur Jesmond D’Amato, f’isem id-dilettanti kollha tal-kamra tan-nar, irċieva s-sitt trofej li jissinifikaw r-rebħa ta’ dawn is-sitt unuri flimkien ma’ shield li kellha tinżamm għal sena mis-Soċjeta`. Din il-preżentazzjoni saret mill-Onorevoli Dr. Francis Zammit Dimech B. A., LL. D., Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura, ġewwa l-bini tad-Dwana. Minn hemmhekk imbagħad, għall-ħabta tas-siegħa ta’ fil-għodu ta’ nhar l-1 ta’ Mejju 2007, id-dilettanti tan-nar kienu eskortati f’korteo ta’ ċelebrazzjoni lejn iż-Żurrieq.  Sabiex titfakkar din ir-rebħa storika, nhar is-Sibt 5 ta’ Mejju 2007, il-Banda Queen Victoria għamlet marċ brijuż  minn Triq San Ġorġ sa Misraħ ir-Repubblika, iż-Żurrieq. Quddiem il-banda mmarċjaw id-dilettanti tan-nar li f’idejhom kienu qed iżommu s-sitt trofej mirbuħa. Hekk kif intemm il-marċ, fuq l-inizjattiva tas-Sindku s-Sur Ignatius Farrugia u l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, ġewwa Misraħ ir-Repubblika ttella’ programm varjat bis-sehem ta’ kantanti lokali stabbiliti. Għal din is-serata kien hemm preżenti għal darb’oħra l-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura l-Onorevoli Dr. Francis Zammit Dimech B. A., LL. D. Huma għamel diskors qasir li fih reġa’ feraħ lid-dilettanti tan-nar tal-Mt. Carmel Fireworks Factory. Il-President Dr. Joseph R. Darmanin ippreżenta xbieha żgħira tal-Madonna tal-Karmnu lill-Ministru waqt li rringrazzjah għall-ħeġġa u l-inkoraġġiment tiegħu b’risq il-kultura Maltija. Din l-okkażjoni ġiet fi tmiemha bi ħruq ta’ musketterija minn fuq il-bejt tal-każin.

Is-Seduta Ġenerali Annwali li nżammet għall-ewwel darba fis-Sala ‘Madonna tal-Karmnu’ tal-każin nhar il-Ħadd 20 ta’ Jannar 2008 kienet waħda storika minħabba li fiha tressqet u għaddiet mozzjoni biex il-membri fi ħdan il-kumitat tas-Sezzjoni Nisa Karmelitani jkunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjoni għall-ħatra tal-Kumitat Ċentrali u jieħdu sehem ukoll fis-Seduti Ġenerali Annwali u Straordinarji tas-Soċjeta`.  

Fi Frar 2008 is-Soċjeta` Karmelitana u Banda Queen Victoria żanżnu sit elettroniku ġdid li issa kien ħa l-isem www.carmelitesocietyzurrieq.org.

Wara ħafna taħbit u laqgħat, nhar it-Tnejn 16 ta’ Marzu 2009 il-MEPA approvat il-proġett tal-estensjoni tal-imħażen tal-armar fi Triq Filippu Farrugia. Kien ilu jinħass il-bżonn li jinħoloq aktar spazju f’dawn l-imħażen, kemm minħabba l-armar ġdid li kien qiegħed isir kif ukoll għall-kumdita` fil-ħruġ u d-dħul tal-armar fil-festa.

Kmieni fl-għodwa ta’ nhar il-Ħadd 28 ta’ Ġunju 2009 ġewwa ż-Żurrieq bdiet tiġri l-aħbar li kien ħalliena s-Surmast Emanuel Bugeja fl-għomor ta’ 86 sena. Dan kien il-jum li fih, ħamsin sena qabel huwa kien inħatar Surmast Direttur tal-Banda Queen Victoria. Il-funeral tiegħu sar nhar it-Tlieta 30 ta’ Ġunju mill-Isptar Mater Dei għal Vjal il-Blue Grotto fejn fit-3.00pm il-kadavru tiegħu ntlaqa’ mill-Banda Queen Victoria taħt id-direzzjoni tas-Surmast Alfred Farrugia u numru kbir ta’ delegazzjonijiet mill-każini tal-baned f’Malta bl-istandarti rispettivi tagħhom. Il-korteo  bid-daqq ta’ marċi funebri miktuba minnu stess, mexa minn quddiem ir-residenza tiegħu fi Triq Dun Ġużepp Zammit, Misraħ Mattia Preti, Triq Mons. P. P. Saydon u Misraħ ir-Repubblika. Kienet tislima tassew xierqa min-naħa tas-Soċjeta` x’ħin hekk kif it-tebut wasal quddiem il-każin, infetaħ il-bieb, indaqq l-Omaggio ALLA QUEEN VICTORIA (l-Innu tal-Banda), kompożizzjoni tiegħu stess, intefgħu l-fjuri mill-gallerija mill-membri tal-kumitat tas-Sezzjoni Nisa waqt li l-bandiera tas-Soċjeta` ttellgħet sa fuq b’sinjal ta’ rispett. Imbagħad il-korteo kompla sal-Knisja Arċipretali fejn fl-4.00pm bdiet il-quddiesa funebri. Wara l-quddiesa saret id-difna fil-qabar tal-familja ġewwa ċ-Ċimiterju ta’ San Leone, Bubaqra.

Nhar is-Sibt 18 ta’ Lulju 2009 is-Soċjeta` Karmelitana u Banda Queen Victoria fakkru kif kien xieraq il-Ġublew tad-Deheb tas-Segretarju Emanuel Camilleri. Fis-7.00pm il-Banda Queen Victoria bdiet marċ minn quddiem il-każin f’Misraħ ir-Repubblika sa Triq Santu Formosa, quddiem ir-residenza tas-Sur Camilleri. Dak il-ħin huwa u l-familja tiegħu ġew milqugħa mill-President Dr. Joseph R. Darmanin u l-membri tal-kumitat waqt li ndaqq il-marċ il-ġdid 50 Sena Segretarju ta’ Mro. Anthony Camilleri. Il-marċ imbagħad kompla fi Vjal il-Ħnejja, Triq Dun Ġużepp Zammit, Misraħ Mattia Preti, Triq Mons. P. P. Saydon sa Misraħ ir-Repubblika fejn assistejna għal programm strumentali fuq il-planċier artistiku, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Alfred Farrugia. Fl-intervall intwera feature dwar il-ħajja u l-ħidma tas-Segretarju Camilleri. Fi tmiem il-programm sar dan id-diskors mill-President Dr. Joseph R. Darmanin li għalih wieġeb is-Segretarju s-Sur Emanuel Camilleri. Wara saru xi preżentazzjoniet ta’ rigali lis-Sur Camilleri mill-fergħat kollha tas-Soċjeta`. L-aħħar  preżentazzjoni saret mill-President Dr. Joseph R. Darmanin f’isem is-Soċjeta` Karmelitana u Banda Queen Victoria b’mod ġenerali u din kienet tikkonsisti f’portrait tas-Segretarju nnifsu bix-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu fl-isfond, xogħol il-pittur Għawdxi l-Kav. Pawlu Camilleri Cauchi. Is-Sinjura Carmen Camilleri, mart is-Segretarju, ġiet ippreżentata b’bukkett fjuri. Wara, sar riċeviment ġewwa s-Sala Madonna tal-Karmnu tal-każin fejn is-Sur Camilleri kien ippreżentat b’aktar rigali minn rappreżentanti ta’ għaqdiet Żrieraq u każini tal-baned.

Nhar il-Ħamis 14 ta’ Lulju 2011 is-Soċjeta` Karmelitana u Banda Queen Victoria fakkru kif kien xieraq il-Ġublew tal-Fidda tal-President Dr. Joseph R. Darmanin. Fit-8.00pm il-Banda Queen Victoria bdiet marċ minn Triq il-Kbira sar-residenza tat’ Dr. Darmanin fejn ġie milqugħ mill-Viċi President is-Sur Emanuel Camilleri u l-membri tal-Kumitat Ċentrali. Imbagħad il-marċ tkompla sa Misraħ ir-Repubblika fejn fid-9.00pm assistejna għal programm vokali u strumentali fuq il-planċier artistiku, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Alfred Farrugia. Għal din l-okkażjoni tħejja feature dwar il-ħajja ta’ Dr. Darmanin bħala President. Il-preżentatur tul dan il-programm kien is-Sur Carmel D’Amato.

Fi tmiem dan il-programm sar dan id-diskors mill-Viċi President is-Sur Emanuel Camilleri li għalih wieġeb in-Nutar Darmanin. Wara saru xi preżentazzjoniet ta’ rigali lill-President mill-fergħat kollha tas-Soċjeta`, mill-Presidenti Onorarji, minn rappreżentanti ta’ għaqdiet Żrieraq, każini tal-baned u individwi, fosthom ħutu Tony, Saver u Carmen. Saret ukoll preżentazzjoni mill-Viċi President is-Sur Emanuel Camilleri f’isem is-Soċjeta` Karmelitana u Banda Queen Victoria b’mod ġenerali u din kienet tikkonsisti f’pittura ta’ San Ġwann tas-Salib, replika tal-pittura f’waħda mil-lunetti li hemm fil-koppletta tal-artal tal-Karmnu ġewwa l-Knisja Arċipretali, xogħol il-pittur Għawdxi l-Kav. Pawlu Camilleri Cauchi. Wara, sar riċeviment f’ġieħ il-President Dr. Joseph R Darmnanin ġewwa s-Sala Madonna tal-Karmnu tal-każin.

Nhar it-Tnejn 23 t’April 2012 il-Mt. Carmel Fireworks Factory kellha l-unur tiftaħ is-Simpożju Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar li kien qiegħed jinżamm ġewwa Malta permezz ta’ spettaklu pirotekniku mżewwaq u sinkonrizzat ma’ mużika tipikament Maltija fl-isfond tas-swar tal-Imdina. Dan kien spettaklu quddiem għajnejn ħafna dilettanti u ħaddiema tan-nar minn madwar id-dinja u li ġab ħafna kliem ta’ tifħir. Nhar il-Ħamis 26 t’April 2012 l-istess kamra tan-nar ħadet sehem f’wirja tan-nar tal-art ġewwa Buġibba bħal parti mill-attivitajiet marbuta mal-simpożju msemmi. F’dawk il-jiem il-Mt. Carmel Fireworks Factory reġgħet kitbet paġna oħra tad-deheb fl-istorja glorjuża tas-Soċjeta` tagħna.

Esperjenza ġdida fl-Għaqda Karmelitana u Banda Queen Victoria kienet it-twaqqif tat-tim tal-Pool bl-ewwel captain ikun is-Sur Mario Ghigo u delegati s-Sur Joseph Micallef u s-Sur Clint Ghigo. Dan it-tim ingħaqad mal-Malta Eight Ball Federation u ħa isem fit-tieni diviżjoni bħala tim ġdid. Inxtrat mejda tal-Pool ġdida waqt li bosta żgħażagħ ingħaqdu ma’ dan it-tim li beda jikkompeti ma’ timijiet b’ħafna iżjed esperjenza. Fi ftit żmien dan it-tim irnexxielu jakkwista l-promozzjoni għall-ewwel diviżjoni.

Fis-seduta tal-kumitat ta’ nhar il-Ħamis 22 ta’ Mejju 2014, Mro. Mauro Farrugia ġie maħtur Assistent Surmast tal-Banda Queen Victoria b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2014.

Fis-sena 2014 inħoloq sit elettroniku ġdid bl-isem www.talkarmnuzurrieq.org

 Il-Ħadd 4 ta’ Jannar 2015, il-Banda Queen Victoria fetħet iċ-ċelebrazzjonijiet speċjali tal-150 Sena Banda b’marċ trijonfali minn Triq il-Kbira sa Misraħ ir-Repubblika. Is-sena 2015 kellha tkun sena mimlija ċelebrazzjonijiet biex jitfakkar seklu u nofs ta’ mixja mużikali mill-ewwel Banda Żurriqija.  Nhar il-Ħadd 18 ta’ Jannar 2015 ġiet organizzata quddiesa ta’ ringrazzjament ġewwa s-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Din il-quddiesa kienet immexxija mir-Rettur Patri Alex Scerri O. Carm waqt li kienet animata mill-Queen Victoria Ensemble taħt id-direzzjoni tas-Surmast Alfred Farrugia u bis-sehem tat-Tenur Charles Vincenti u l-Baritonu Alfred Camilleri. Fi tmiem il-quddiesa l-Komunita` Karmelitana ppreżentat tifkira tal-okkażjoni lill-President Dr. Joseph R. Darmanin.

Fl-okkażjoni tal-ħamsin sena mit-twaqqif tal-parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Fgura, il-Banda Queen Victoria flimkien mal-Banda Madonna tal-Karmnu tal-istess parroċċa akkumpanjat b’innijiet marjani waqt pelleġrinaġġ bl-istatwa titulari tal-Madonna tal-Karmnu nhar il-Ħadd l-1 ta’ Frar 2015. Bħala rikonoxximent għal dan is-sehem tagħha, il-Banda Queen Victoria ngħatat tifkira mill-Kappillan l-W. R. Patri Renald Lofreda O. Carm f’isem il-Komunita` Karmelitana tal-Fgura.

Bħala parti miċ-ċelebrazzonijiet tal-150 sena tal-Banda Queen Victoria, nhar il-Ġimgħa 10 t’April 2015 kien imiss kunċert kolossali ta’ mużika sagra taħt id-direzzjoni tas-Surmast Alfred Farrugia ġewwa l-Pro-Kattidral Anglikan ta’ San Pawl ġewwa l-Belt Valletta taħt il-patroċinju tal-Kummissarju Għoli Ingliż Mr. Rob Luke. Ħadu sehem is-Sopran Marita Bezzina, l-Alto Graziella Debattista, it-Tenur Joseph Aquilina, il-Baritonu Alfred Camilleri, il-Kor Bel Canto dirett mis-Surmast Hermann Farrugia Frantz, l-organista Geoffrey Thomas u l-Bagpiper Marlon Tanti. 

Il-qofol ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ntlaħaq nhar is-Sibt 18 ta’ Lulju 2015 bi programm strumentali tal-okkażjoni mill-Banda Queen Victoria taħt il-patroċinju tal-E. T. Marie Louise Coleiro-Preca, President ta’ Malta. Għal din l-okkażjoni l-Banda Queen Victoria, immexxija mis-Surmast Alfred Farrugia, daqqet dawn ix-xogħlijiet:

 

Innu                                                         Malti                                               R. Samut

Innu Marcia                                      Fior Del Carmel                                    C. Botti

Finale 4th mvt.                          Symphony No 5, Opus 64                           P. I. Tchaikovsky

Capriccio                                          Mediterraneo                                      M. Farrugia

Finale                                          Symphony No3, Opus 78                          C. Saint-Saens

Overture                                 L-Ewwel Banda Żurriqija                               A. Farrugia

                                                150 Sena ta’ Storja Kontinwa           

Omaggio                                 Alla Banda Queen Victoria                           E. Bugeja

 

F’dan il-programm ħadu sehem il-Queen Victoria Pipes and Drums u l-organista is-Sur Geoff Thomas. Fis-silta Capriccio Mediterraneo l-Banda Queen Victoria kienet diretta mill-Assistent Surmast Mauro Farrugia. Waqt il-programm il-President Dr. Joseph R. Darmanin ippreżenta lill-Eċċellenza Tagħha kwadru tal-Madonna tal-Karmnu, iż-żewġ kotba tal-istorja tal-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria u donazzjoni b’risq il-Comunity Chest Fund. Fl-istess okkażjoni saret il-preżentazzjoni ta’ standart bl-arma tal-Banda Queen Victoria mill-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu taż-Żurrieq u ta’ bandalora artistika mill-Familja Cassar. Wara l-programm il-President ta’ Malta kixfet irħama kommemorattiva ġewwa l-każin u ffirmat il-Ktieb tal-Viżitaturi waqt li nżammet bibita għall-mistednin distinti. Għal din l-okkażjoni memorabbli l-Mt. Carmel Fireworks Factory tat wirja spettakolari ta’ nar tal-ajru.

Wara l-festa tal-Madonna tal-Karmnu li bħal dejjem kienet suċċess kbir minn kull lat, il-Banda Queen Victoria kellha impenn kbir ieħor ġej marbut ma’ dawn il-festi speċjali.......il-mawra storika ġewwa San Marino għall-festi ta’ Jum ir-Repubblika.

Telqet minn Malta sbieħ is-Sibt 29 t’Awwissu. Titjira charter mal-AirMalta fit-tlieta ta’ filgħodu b’kontinġent ta’ 145 ruħ – bandisti u ammiraturi. Il-Ħadd 30 t’Awwissu kellu jkun jum speċjali għaliha u dan għaliex għall-ewwel darba kienet se ssemma’ leħinha waqt din il-ġita. Għall-ħabta tal-4.30 ta’ wara nofsinhar ġewwa Borgo Maggiore l-Banda Queen Victoria ħarġet bl-unuri b’marċ u programm mill-aqwa taħt id-direzzjoni tal-bravu surmast tagħha Mro. Alfred Farrugia. Dan kien il-programm li ġie esegwi

 

  1. Omaggio Alla Banda Queen Viocto-  Emmanuel Bugeja

  2. Tarantella Festival (Medley)                                    -  Arr. Anthony Chircop

  3. Vivat Regina (March)                                               -  Mauro Farrugia

  4. L-Imnarja (Traditional)                                            -  Carmelo Pace

  5. 150 Sena Banda Ewlenija (March)                          -   Alfred Farrugia

  6. Carnaval de Paris (Song)                                         -   Arr. Stefan Rabe

  7. San Marino Goodbye (Valzer)                                 -   Secondo Casade

  8. Regina tal-Karmelu (March)                                    -   Angelo Pullicino

Imma l-kbir għall-Banda Queen Victoria kien għadu ġej! Nhar il-Ħamis 3 ta’ Settembru, f’Jum ir-Repubblika ta’ San Marino, fl-4.30pm, il-Banda għamlet programm kolossali ġewwa Lo Stradone taħt id-direzzjoni tas-Surmast Alfred Farrugia. Dan kien il-programm li ġew esegwit:

       Omaggio alla Banda Queen Victoria                                     - Emanuel Bugeja   

       Palladio                                                                                    - Karl Jenkins                                          

       L-Ewwel Banda Zurriqija (Overture)                                      - Alfred Farrugia

       La Vita E` Bella  (Tema)                                                          - Nicola Piovani

       Concerto D'Amore                                                                   - Jacon de Haan                          

       Bon Jovi Rock Mix                                                                    -  Arr: Wolfgang Wossner        

       San Marino Goodbye (Valzer)                                                - Secondo Casadei (arr. S. Gatta)

Fil-5.30pm beda kunċert mill-Banda Militari ta’ San Marino u fit-tmiem tiegħu ż-żewġ baned ingħaqdu flimkien. L-ewwel daqqew l-Innu Nazzjonali Malti taħt id-direzzjoni tas-Surmast Alfred Farrugia u wara daqqew l-Innu Nazzjonali ta’ San Marino taħt id-direzzjoni tas-Surmast Stefano Gatta, Surmast Direttur tal-Banda Militari. Kienet xena li min kien hemm biss jista’  jgħid x’kienet tfisser għalih! Ma setax jonqos li wara okkażjoni kbia bħal din isir skambju ta’ ħafna ritratti u xi erba’ kelmiet bejn il-bandisti taż-żewġ baned. L-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria jibqgħu jgħożżu għal dejjem ir-ritratt uffiċjali taż-żewġ baned li ttieħed b’tifkira ta’ din l-okkażjoni. Din il-mawra ġiet fi tmiemha sbieħ is-Sibt 5 ta’ Settembru.

Nhar il-Ħamis 14 ta’ Lulju 2016 ġie mfakkar il-Ġublew tal-Fidda tas-Surmast Direttur Alfred Farrugia. Fit-8.00pm il-Banda Queen Victoria bdiet marċ minn Triq San Ġorġ sar-residenza tas-Surmast Farrugia fi Triq San Luqa fejn flimkien mal-familja tiegħu ntlaqa’ mill-President in-Nutar Dr. Joseph R. Darmanin akkumpanjat mill-membri tal-Kumitat Ċentrali u tad-diversi kummissjonijiet. Wara tkompla l-marċ tul Triq Irjali sa Misraħ ir-Repubblika fejn ġie esegwit programm strumentali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Alfred Farrugia. Qabel ma ndaqqet is-silta ‘Racconto Sinfonico’ ntwera feature qasir mħejji mis-Sur Alfred Camilleri dwar il-ħajja u l-ħidma tas-Surmast Farrugia.  Fl-intervall sar dan id-diskors tal-okkażjoni mill-President Darmanin li għalih wieġeb is-Surmast Farrugia. Imbagħad kien imiss li jsiru xi preżentazzjoniet ta’ rigali lil Mro. Farrugia mill-fergħat kollha tas-Soċjeta`. L-aħħar  preżentazzjoni saret mill-President Dr. Joseph R. Darmanin f’isem is-Soċjeta` Karmelitana u Banda Queen Victoria b’mod ġenerali. Dan ir-rigal kien jikkonsisti f’bakketta tal-fidda maħduma fuq disinn tal-artist Renzo Gauci. Is-Sinjura Ġina Farrugia, mart is-Surmast, ġiet ippreżentata b’bukkett fjuri mill-bandista Elisa Sacco. Wara, sar riċeviment ġewwa s-Sala Madonna tal-Karmnu tal-każin fejn is-Surmast Farrugia kien ippreżentat b’aktar rigali minn rappreżentanti ta’ għaqdiet Żrieraq u każini tal-baned.

Nhar il-Ħadd 24 ta’ Lulju 2016, jum il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, kien jum storiku għall-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria. Fit-8. 00am il-Banda Queen Victoria laqgħet bid-daqq tal-Innu Pontifiċju fi Triq Dun Ġużepp Zammit lill-E. T. Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof Metropolita ta’ Malta, u wara wasslitu sal-Knisja Arċipretali bid-daqq ta’ marċi brijużi. Imbagħad fid-9. 00am huwa mexxa l-Quddiesa Pontifikali ta’ jum il-festa fejn niseġ ukoll il-paneġierku. Wara l-quddiesa huwa kien il-mistieden ewlieni fil-każin. L-Arċisqof iffirma l-ktieb tal-viżitaturi u ħallielna l-karlotta tiegħu iffirmata bħala tifkira ta’ din iż-żjara. Huwa ngħata ż-żewġ kotba tal-istorja tal-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria (2006, 2015), Programm tal-Festa 2016, iż-żewġ diski kompatti ‘Warda Sbejħa tal-Karmelu’ (2003) u Marċi Popolari tas-Surmast Alfred Farrugia (2016) u frame bix-xbieha tal-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu.

Nhar is-Sibt l-1 t’Ottubru 2016 inkitbet paġna ġdida għall-planċier artistiku tal-Banda Queen Victoria meta fl-okkażjoni tal-Notte Bianca ġewwa l-Belt Valletta ntrama fi Pjazza San Ġorġ, faċċata tal-Palazz tal-President. Dik il-lejla l-Banda Queen Victoria kellha x-xorti wkoll li ddoqq f’serata ta’ marċi brijużi minn fuq l-istess planċier  u tul Triq ir-Repubblika.

2000-
bottom of page