Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, Żurrieq
Sit Uffiċjali
Armar li jżejjen it-toroq fil-festa
IL-KUMMISSJONI ARMAR FI ĦDAN L-GĦAQDA KARMELITANA BANDA QUEEN VICTORIA
Kien eżattament nhar l-Erbgħa, 3 ta’ Frar 1988, fejn waqt l-ewwel seduta tal-Kumitat Ċentrali għas-sena 1988, ġiet maħtura l-ewwel Kummissjoni Armar fi ħdan l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria. L-iskop ta’ din il-Kummissjoni kien li minbarra li tieħu ħsieb l-armar estern tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu, tieħu ħsieb ukoll l-imħażen tas-Soċjeta` li dak iż-żmien kienu tnejn, wieħed fi Triq Mons. Pietru Pawl Saydon u l-ieħor fi Triq it-23 ta’ Lulju 1942 li kien għadu kif inxtara s-sena ta’ qabel.
Din l-ewwel Kummissjoni Armar, uffiċjalment ħadet il-post il-Grupp Dekorattiv li diġà kien ilu jeżisti fi ħdan is-Soċjetà għal minn tal-inqas sbatax-il sena. Fil-fatt dan il-grupp kien twaqqaf fis-sena 1971 bil-għan ewlieni tiegħu jkun dak li jieħu ħsieb it-tiżjin tal-faċċata tal-każin u tat-toroq prinċipali fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Kien grupp dinamiku għall-aħħar li minn rajh kien ħa l-inizjattiva tat-tiżjin ta’ Triq il-Kbira u l-faċċata tal-każin fil-Milied, liema inizjattiva ssarrfet f’suċċess kbir għal seba’ darbiet konsekuttivi bir-rebħ tal-ewwel premju fil-kompetizzjonijiet li kienu jsiru f’dawk is-snin.
Bil-ħatra tal-Kummissjoni Armar, il-ħsieb tal-Kumitat tal-1988 kien li x-xogħol kollu li jirrigwarda dan il-qasam tant importanti tal-festa jkun jista’ jingħata l-attenzjoni speċjali u d-dedikazzjoni li tixraqlu. Minn dakinhar ’il quddiem din il-Kummissjoni qatt ma ħarset lura u id f’ id mal-Kumitat Ċentrali u bil-għajnuna ta’ bosta membri ħabrieka, ħadmet qatigħ fuq proġetti kbar u ambizzjużi ta’ armar. Armar li qegħdin ingawduh illum frott ta’ dawk kollha li taw sehemhom. Proġetti li xi darba kienu biss fl-imħuħ jew fuq il-karta, pero' llum huma realtà. Proġetti li fuq kollox huma l-ammirazzjoni ta’ kull min iżurna fix-xahar ta’ Lulju.
Imma l-istorja tal-armar fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu ma bdietx ħamsa u għoxrin sena ilu. Ma ninsewx li kienu l-prokuraturi tal-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu mwaqqfa fl-1801 li lejn tmiem is-seklu dsatax, taw bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet esterni f’ġieħ il-Verġni Mbierka. Ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet esterni ma setax jonqos li huma jaħsbu wkoll għal xi ftit armar biex ikomplu jżidu l-ferħ tal-okkażjoni. Pereżempju, mill-kontijiet tal-fratellanza nafu li fl-1869 kienu saru 26 arma jżejnu l-misraħ waqt li fl-1873 saru żewġ anġli tal-kartapesta biex jintramaw quddiem il-bieb il-kbir tal-knisja parrokkjali. Barra minn hekk, il-fratellanza kienet għamlet ukoll Ark Trijonfali li kien jintrama bejn Piazza Maggiore u Strada Reale. Ġara li biż-żmien il-fratellanza ma baqgħetx aktar tieħu ħsieb ukoll l-armar ta’ barra għall-okkażjoni tal-festa. Jidher li l-konċentrazzjoni tal-fratellanza baqgħet fuq il-festa interna waqt li ċ-Circolo La Stella, li sal-1900 kien għadu ma ngħaqadx mal-Banda La Concordia, ried jibda jaħseb hu għal dan.
Avveniment li laqat mill-qrib lill-armar tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq huwa bla dubju l-Konċilju Reġjonali li sar f’Malta fl-1935 u li kellu l-iskop li jirregola ċerti ħwejjeġ tal-knisja f’Malta. Dan il-konċilju kien impona wkoll restrizzjonijiet fuq l-armar ta’ barra. Ovvjament l-Għaqda Karmlitana Banda Queen Victoria laqgħet dawn ir-restrizzjonijiet b’dispjaċir kbir tant li l-festa waqfet issir għal xi żmien (1936 – 1945). Fis-snin li ġew wara l-1935, sakemm faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, delegazzjonijiet mill-każini tal-festi sekondarji, inkluż dak tagħna, kienu jiltaqgħu u jiddiskutu x’kellu jsir biex l-affarijiet forsi jitjiebu.
Prattikament l-armar tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fis-snin ta’ wara l-gwerra kien jikkonsisti biss fit-trufej maestuż li sar fuq disinn tal-imgħallem Manwel Buhagiar, il-pedistalli bl- anġli u l-planċier imżanżan f’Lulju 1954 ġo Misraħ Churchill (dak li llum huwa Misraħ ir-Repubblika) flimkien mal-erba’ pedestalli taz-zuntier (Id-dehra tal-Madonna lil S. Xmun Stock, Id-dehra tal-Madonna lill-Papa Onorju III, San Elija u San Eliżew). Din ir-restrizzjoni baqgħet tapplika sa Lulju 1975 għax minn dak iż-żmien il-festi sekondarji ngħataw huma wkoll id-dritt li jżejnu kullimkien. Allura wieħed jista’ jimmaġina kemm xogħol ried isir mill-1975 biex ftit ftit stajna naraw aktar armar fit-toroq prinċipali.
Pass importanti u fid-direzzjoni t-tajba kien ix-xiri tal-maħżen Fjur tal-Karmelu fi Triq it-23 ta’ Lulju 1942. Dan il-pass ittieħed f’Marzu 1987. F’dan il-maħżen mill-ewwel beda jiġi merfugħ l-armar li kien jintrama fi Triq il-Kbira, Triq il-Prof. Pietru Pawl Saydon u Misraħ Mattia Preti kif ukoll l-antarjoli kollha tal-festa flimkien ma’ diversi affarijiet oħra. Dan il-maħzen solva l-problema ta’ nuqqas ta’ spazju tal-maħżen li dak iż-żmien kellna fit-triq ta’ quddiem il-knisja, liema maħżen illum jagħmel parti mill-każin.
Nhar is-Sibt 10 ta’ Lulju 1993 ġie organizzat il-ftuħ tal-imħażen il-ġodda fi Triq Filippu Farrugia. Ix-xogħol fuqhom, fuq pjanta tal-Onor. Perit Karmenu Vella, illum President Onorarju, kien inbeda fil-5 t’Ottubru 1992, wara li l-kumitat kien akkwista b’xiri biċċa art. Il-membri tas-Soċjeta` meddew għonqhom għax-xogħol u b’dedikazzjoni sħiħa ħadmu fil-ħin liberu tagħhom biex dan il-proġett seta’ jitlesta fi żmien relattivament qasir. Fis-snin 1999 u 2000 dan il-maħżen tkabbar b’sular iehor. Pass ieħor importanti ttieħed f’dawn l-aħħar snin meta saret l-estensjoni b’żewġ sulari fuq dawn l-imħażen biex issa nistgħu ngħidu li l-armar tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu huwa miġbur kollu f’post wieħed.
Il-ħidma li wettqet il-Kummissjoni Armar fuq l-armar tal-festa tul dawn is-snin diffiċli ħafna biex tikkwantifikaha. Dejjem żammet quddiemha żewġ prinċipji: dak li tieħu ħsieb l-armar kollu li għamlu missirijietna u fl-istess ħin tħares ’il quddiem bi proġetti ġodda li jkomplu jkabbru din il-festa tant għażiża.
Fost ix-xogħlijiet ġodda li saru dawn l-aħħar snin nsibu sett ta’ 18–il trufej komplut bil-bandalori, sopraporti u bnadar, sett ta’ 10 pedestalli u sett ta’ 11-il pilandra u erba' statwi li jirrapreżentaw lil Santa Marija De Pazzi, Beatu Titus Brandsma, Santa Tereża tas-Salib u San Telesforu Papa. Inħietu wkoll sett faldrappi. Dan l-amar jintrama fi Triq Mons. Pietru Pawl Saydon. Inħietu sett bandalori u bandieri għat-trufej ta’ Misraħ ir-Repubblika kif ukoll pavaljun għal fejn id-dar tal-arċipriet. Għal din il-Pjazza nħietu sett faldrappi kif ukoll
inħadmu sett brazzi għal mal-anġli. Għal Triq il-Kbira nħietu sett pavaljuni u sett bandalori li jintramaw mat-trufej. Inħietu sett pavaljuni għad-dawra tal-purċissjoni, sett bandalori bil-pitturi tal-appostli għal Misraħ Mattia Preti. Inħietet bandalora kbira għal fejn l-għassa tal-pulizija. Għal taħt iz-zuntier tal-knisja arċipretali nħadmu 4 statwi ġodda li jirrapreżentaw lil San Ġużepp, San Ġorġ Preca, San Ġwann il-Battista u Papa Ġwanni Pawlu II. Inħadem ukoll Pavaljun kbir tad-dawl għad-daħla taż-Żurrieq. Bħalissa qegħdin jinħietu sett bandalori ġodda għal Triq Dun Ġużepp Żammit. Minn żmien għal żmien issir manutenzjoni fuq l-affarijiet tal-mixgħela tal-festa kif ukoll tinħadem ammont kbir ta’ liedna għal diversi toroq.
Fost ix-xogħlijiet ġodda li saru dawn l-aħħar snin nsibu t-trufej ta’ Triq Mons. Pietru Pawl Saydon inkluż il-bandieri u l-bandalori tiegħu, sett bandalori u bandieri għat-trufej ta’ Misraħ ir-Repubblika, sett bandalori u pavaljuni għal Triq il-Kbira, sett pavaljuni għad-dawra tal-purċissjoni, sett siġar għal Triq Mons. Pietru Pawl Saydon u Misraħ Mattia Preti, sett brazzi għal mal-anġli tal-pjazza, bandalora kbira għal fejn l-għassa tal-pulizija, pavaljun kbir għal fejn id-Domus Curialis kif ukoll numru ta’ statwi ġodda.
Il-Kummissjoni Armar ħadet ħsieb ukoll l-armar li b’tant sagrifiċċju u paċenzja għamlu missirijietna sforz l-imħabba li kellhom lejn il-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Għaldaqstant sar ukoll ħafna restawr importanti fuq armar antik li reġa' kiseb is-sbuħija oriġinali tiegħu. Insemmu r-restawr fuq it-trufej ta’ Misraħ ir-Repubblika li kien sar fis-snin ta’ wara l-gwerra fuq disinn ta’ Manwel Bugahiar u fuq il-pedestalli tal-anġli, ir-restawr fuq il-planċier li kien ġie rinovat fl-1976 fuq disinn ta’ Salvu Tonna, ir-restawr fuq l-armar kollu li jsebbaħ iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali li jinkludi dawk iż-żewġ statwi artistiċi u kolossali li jirrappreżentaw id-dehriet tal-Madonna lil S. Xmun Stock u lill-Papa Onarju III u li naħsbu li saru minn Karlu Darmanin u Ġlormu Darmanin. Restawr ieħor importanti sar fuq it-trufej l-antik li issa narawh jintrama fi Triq il-Kbira u li bejn l-1990 u l-2008 kien jintrama fi Triq il-Prof. Pietru Pawl Saydon. Bil-mod il-mod qed isir ukoll restawr estensiv u professjonali fuq l-istatwi kollha li jintramaw bħalissa fit-toroq prinċipali.
Fl-2004 wara nuqqas ta’ sbatax-il sena, is-Soċjeta' Karmelitana, bl-għajnuna tal-Kummissjoni Armar reġgħet irritornat b’suċċess fil-Kompetizzjoni Nazzjonali tat-tiżjin tat-toroq fil-Milied, tant li Triq il-Kbira ġiet ikklassifikata fit-tieni post. L-armar tal-Milied issa reġa’ sar parti mill-kalendarju ta’ ħidma li għandha l-Kummissjoni Armar.
B’ wiċċna minn quddiem ngħidu li l-għan li għalih twaqqfet il-Kummissjoni ntħalaq u ntlaħaq bil-kbir. Il-proġetti ġodda ma jonqsux.
Nibżgħu għal dak li għamilna ħalli lil uliedna u lill-ulied uliedna nħallulhom wirt imprezzabbli li fuq kollox huwa xhieda ħajja tal-imħabba li għandna lejn il-Madonna tal-Karmnu.