top of page

Il-Każin

ĦARSA LEJN IL-BINI TAL-KAŻIN – ID-DAR TAGĦNA L-KARMELITANI ŻRIERAQ

L-EWWEL DJAR TAS-SOĊJETA’ U L-BANDA
 

Wara ħidma ta’ aktar minn mija u ħamsin sena  taċ-Circolo La Stella (Għaqda Karmelitana) b’risq il-festa tal-Madonna tal-Karmnu u ħidma ta’ mija u erbgħin sena tal-Filarmonica del Zurrico (Banda Queen Victoria) il-ħolma ta’ diversi kumitati, bandisti, membri u partitarji li jaraw il-każin li jixraq lis-Soċjeta` u l-Banda sejra ssir realta` nhar is-Sibt 15 ta’ Lulju 2006. Sabiex l-Għaqda Karmelitana u Banda Queen Victoria waslu s’hawn kienu diversi l-mumenti ta’ taqtigħ il-qalb, iżda bir-rieda ta’ l-azzar dejjem ġew megħluba l-problemi li nqalgħu minn żmien għall-ieħor.

F’nofs is-seklu dsatax twaqqaf iċ-Circolo La Stella bl-iskop ewlieni li jaħdem b’risq il-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Dan iċ-ċirkolu kien jinsab f’numru 99 Strada Reale (Triq il-Kbira). Fl-1865 twaqqfet il-Filarmonica del Zurrico (Banda Queen Victoria). Din kienet tagħti s-sehem tagħha fil-festi taż-Żurrieq kif ukoll f’diversi rħula u okkażjonijiet oħra. Kienet tgħammar fid-dar numru 20 Strada Brittanica (Triq il-Ħaddiema) biswit Palazzo Armeria. Fl-1893 il-Banda nsibuha tgħammar f’numru 18 Triq San Leopoldu. Imbagħad fl-1899 marret tgħammar fid-dar numru 10, Triq San Bartilmew. Fl-1900 is-Surmast Carmelo Zammit għaqqad lill-Filarmonica del Zurrico li sadanittant kienet biddlet isimha għall-Filarmonica La Concordia, maċ-Circolo La Stella wara li aktar qabel, hu flimkien mal-bandisti li baqgħu leali lejh, rebaħ il-kawża li fetħulu numru ta’ bandisti li nsistew li l-banda għandha tkun xolta. Fis-sena 1900 l-Banda nsibuha tgħammar fl-istess dar taċ-Circolo La Stella, voldiri 99, Strada Reale. Fl-1905 is-Soċjeta` u l-Banda marru jgħammru fid-dar numru 20, Piazza Maggiore (Misraġ ir-Repubblika) fejn illum hemm il-każin tal-Banda Santa Katarina. Fl-1914 ġarrew għad-dar numru 34, Piazza Maggiore (Misraħ ir-Repubblika) fejn għadhom sal-lum.

 

F’din id-dar twaqqfet l-ewwel banka tal-lottu li kellu ż-Żurrieq. Dan seħħ fis-sena 1927 wara li l-Gvern Malti kien għadda liġi dwar dan. Din il-banka, li ġġib in-numru 74, kienet fir-remissa tal-każin u kienet immexxija mis-Segretarju Francesco Bugeja, aktar tard, Surmast Direttur tal-Banda Queen Victoria. Illum din il-banka tinsab fit-tieni bieb tal-każin fi Triq Mons. Pietru Pawl Saydon u jmexxiha l-President Onorarju tas-Soċjeta` Anthony Azzopardi.

Fis-sena 1940, Malta daħlet fil-gwerra li qerdet kull attivita`. Ħafna refuġjati mill-ibliet invadew l-irħula minħabba l-attakki mill-arju fuq it-Tarzna u l-inħawi tal-Port il-Kbir. Bħala att umanitarju f’dawk is-snin tant imwiegħra, il-kumitat kien offra s-swali ta’ fuq lil żewġ familji refuġjati, il-familji Tabone u Azzopardi. L-attivitajiet tal-każin bħal logħob tal-biljard, tombla u serati teatrali kienu jsiru fis-sular t’isfel. F’dawk is-snin il-bandisti kienu jikkunċertaw fil-mitħna ta’ wara l-każin ġentilment mislufa minn Kalnaġ Busuttil (Iż-Żimella).

Fil-bidu tas-snin ħamsin il-każin għadda mill-aktar fażi ta’ taqtigħ il-qalb fl-istorja tiegħu. Wara li sid il-każin rebaħ il-kawża biex jieħu l-post lura, inħasset il-ħtieġa li jinstab post alternattiv, li xejn ma kienet ħaġa faċli. Wara ħafna taħbit mill-kumitat, mgħejjun minn xi ħbieb tas-Soċjeta`, fl-aħħar il-każin sab kenn fil-Liġi tal-Każini tal-Baned li għaddiet mill-Parlament Malti f’Marzu 1955, Il-protagonista ta’ din il-liġi kien l-Onorevoli Ministru l-Avukat Dr. Ġuże` Cassar B.A., LL. D.

Il-KAŻIN IL-ĠDID

Kienu diversi kumitati li għamlu attentati sabiex l-Għaqda Karmelitana u l-Banda Queen Victoria jakkwistaw każin denju għalihom iżda donnu li xejn ma seta’ jipperswadi lis-sidien biex jiċċaqilqu mill-pożizzjoni riġida tagħhom. Kien porpju fis-Seduta Ġenerali Annwali ta’ nhar is-Sibt 2 t’Ottubru 1993 li l-President Dr. Joseph R. Darmanin għarraf lill-membri preżenti lis-sidien kienu qegħdin joffru dak il-post għall-bejgħ bis-somma ta’ dsatax –il elf lira Maltin. Il-membri qablu uninament li l-post jinxtara minnufih. Nhar l-10 ta’ Novembru 1993 inxtara l-każin bis-somma msemmija. Il-kuntratt sar quddiem in-Nutar Joseph Henry Saydon fl-uffiċċju tal-President tagħna n-Nutar Joseph R. Darmanin, ġewwa l-Belt Valletta. Għan-nom tas-Soċjeta` dehru l-istess President, is-Segretarju Emanuel Camilleri u l-Kaxxier Alfred Debono. Preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm diversi membri oħra tal-Kumitat Ċentrali kif ukoll diversi membri mill-kumitat tas-Sezzjoni Żgħażagħ Karmelitani. Nhar il-Ħadd 14 ta’ Novembru il-Banda Queen Victoria għamlet marċ mat-toroq taż-Żurrieq biex tfakkar dan l-avveniment. Fl-istess żminijiet is-Soċjeta` akkwistat b’xiri żewġ bnadi oħra. Xtrat il-maħżen fi Triq Mons. Pietru Pawl Saydon bil-ħsieb li xi darba jiġi mgħaqqad mal-każin il-ġdid,  kif ukoll biċċa art fi Triq Filippu Farrugia (fejn il-Mitħna tas-Salib) sabiex tiġi mibnija f’maħżen fejn jitpoġġa l-armar kollu tal-festa.

 

Nhar l-Erbgħa 20 ta’ Lulju 1994, matul il-ġimgħa tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu, kienu approvati l-permessi tat-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid tal-każin mill-Awtorita` tal-Ippjanar. Ix-xogħol tat-twaqqigħ inbeda nhar il-Ħadd 11 ta’ Settembru 1994. L-ewwel beda jitwaqqa’ l-maħżen fi Triq Mons. Pietru Pawl Saydon. Wara li fi żmien xahar it-twaqqigħ kien lest, nhar id-9 t’Ottubru 1994 beda t-tqattigħ tal-blat, biċċa xogħol iebsa ferm. Kien fit-12 ta’ Frar 1995 li wasal fi tmiemu t-tqattigħ ta’ dan il-blat. 210 metri kubu ta’ blat waqt li nħarġu 56 trakk ta’ terrapien. Mill-istess blat inqatgħet ġebla kbira, sabiħa u ċatta. Wara li nħadmet, tpoġġiet fis-sala ta’ l-attivitajiet bħala tifkira ta’ dawk kollha li b’kuraġġ kbir taw sehemhom f’din il-fażi tassew diffiċli.    Il-pjanti tal-basement kienu nbdew nhar it-8 ta’ Diċembru 1994. Nhar is-7 ta’ Marzu 1995 krejn kbir wasal quddiem il-Knisja Arċipretali sabiex poġġa l-ewwel planki li ffurmaw l-ewwel saqaf tal-każin il-ġdid. Sal-festa ta’ dik is-sena, il-bini ta’ l-ewwel fażi kien lest. Wara l-festa mbagħad tkompla x-xogħol fuq id-dawl, ilma tikħil, madum, granit, aperturi u ħafna bżonnijiet oħra. Dan kollu wassal biex nhar il-Ħadd 19 ta’ Mejju 1996 il-każin l-antik f’Misraħ ir-Repubblika ngħalaq għall-aħħar darba mill-President in-Nutar Joseph R. Darmanin u ġiet miftuħa uffiċjalment l-ewwel parti tal-każin il-ġdid fi Triq Mons. Pietru Pawl Saydon. F’dak il-jum ħadet sehem il-Banda Queen Victoria.

Nhar l-24 ta’ Mejju 1996 beda t-twaqqigħ tal-każin l-antik. Tqatta’ l-blat sabiex isir basement ieħor ħalli jintuża bħala store għall-bar. Fit-13 t’April 1997 ġiet imqiegħda uffiċjalment l-ewwel ġebla tal-każin il-ġdid mill-President ta’ Malta Dr. Ugo Mifsud Bonnici u mbierka mill-Arċipriet Dun Karm Farrugia fil-preżenza ta’ l-Onorevoli Ministru l-Perit Karmenu Vella li kien inkarigat mill-pjanta tal-bini, id-Disinjatur Arkitettoniku Vincent Centorrino kif ukoll Membri Parlamentari, il-Kunsill Lokali, il-Kumitat Ċentrali u d-diversi Sezzjonijiet tas-Soċjeta`. F’din il-ġebla tqiegħdu parċmina b’dikjarazzjoni ffirmata, ritratt tal-kumitat ta’ dik is-sena, Labtu u Domna tal-Madonna tal-Karmnu, badge tal-Banda Queen Victoria, karta ta’ żewġ liri u munita ta’ lira, ilkoll issiġillati ġo tubu. F’din l-okkażjoni memorabbli l-Banda Queen Victoria reġgħet tat is-sehem tagħha. Wara sar riċeviment fil-każin.

Minn issa ‘l quddiem beda x-xogħol ta’ paċenzja u sengħa kbira ta’ lavur fil-ġebla Maltija. Il-faċċata, is-sala tal-bar, is-sala r-rikka kif ukoll it-taraġ li jagħti għal din l-istess sala fihom ħafna xogħol ta’ lavur mill-aqwa, kollu frott il-ħidma ta’ diversi membri fi ħdan is-Soċjeta`.

Nhar id-19 ta’ Mejju 2002, eżatt sitt snin mill-inawgurazzjoni tal-ewwel fażi, tqiegħdet l-aħħar ġebla fost il-ferħ u s-sodisfazzjon tal-membri u l-partitarji. Wara li x-xogħol tal-bini kien lest, il-Kumitat Ċentrali baqa’ jfassal il-pjanijiet meħtieġa ħalli x-xogħol fuq il-kumplament ta’ l-affarijiet jitkompla. L-ewwel li tlestew kienu s-sala tal-bar u l-aperturi tal-faċċata. Inħadem suffett tal-gypsum, l-art saret tal-granit, il-bar inħadem fl-injam tal-kawba u saret antiporta għal wara l-bieb prinċipali. Wara, l-attenzjoni u l-enerġija kollha daru fuq is-sala prinċipali li se jkollu dan il-każin, Sala Madonna tal-Karmnu. L-art inksiet bl-irħam waqt li s-suffett inħadem fil-ġewż u ġie ndurat bid-deheb.

B’kollox illum insibu fil-każin seba’ swali kbar. Is-sala tal-bar, sala għall-attivitajiet tal-membri, sala tal-kunċerti “ro. F. Bugeja (1937-1959), sala għall-Kumitat Ċentrali President Vincent Micallef, sala għall-kumitati taż-Żgħażagħ u tan-Nisa Nenu Zahra u Narcy Schembri, sala Circolo La Stella u s-sala prinċipali Madonna tal-Karmnu.  Ġewwa dan il-każin wieħed isib ukoll l-istudjo tar-radju komunitarju Leħen il-Karmelitani li jxandar fil-ġranet tal-festa u fix-xahar tal-Milied fuq il-frekwenza 101.4 FM.

Xieraq inroddu ħajr lil dawk il-voluntiera kollha li, min bil-moħħ u min bix-xogħol ta’ dirgħajh, taw kontribut kbir fil-bini ta’ dan il-każin. Inroddu ħajr lil dawk kollha li bl-għajnuna finanzjarja tagħhom inġabret somma tassew kbira u bżonjuża, kollha mill-ġenerożita` tal-membri u l-ammiraturi. Tislima speċjali lil dawk il-membri li bdew jagħtu daqqa t’id sa mill-bidu ta’ dan il-proġett u baqgħu jagħtu l-għajununa tagħhom jum wara jum, sakemm tqiegħdet l-aħħar ġebla. Inroddu ħajr lis-Sezzjonijiet taż-Żgħażagħ u tan-Nisa li matul dan iż-żmien organizzaw bosta attivitajiet ta’ fundraising għall-bini ta’ dan il-każin. Bosta kienu l-benefatturi kbar li offrew għodod u nġenji għal dan ix-xogħol. Kelma ta’ radd il-ħajr tmur ukoll għal sħabna emigranti ġewwa l-Kanada li wkoll ħasbu f’dan il-porġett u bagħtu l-għajnuna finanzjarja tagħhom. Insellmu minn qalbna lil dawk il-membri u partitarji li għalkemm xtaqu ħafna jaraw din il-ħolma sseħħ u taw ukoll il-kontribut tagħhom, il-Mulej għoġbu jsejħilhom għal għandu.

Hekk kien jixraq li jsir għal Soċjeta`u Banda dinamiċi. Hekk kien jixraq li jsir għall-akbar partit fiż-Żurrieq. Il-ġurnata ta’ nhar is-Sibt 15 ta’ Lulju, jum l-inawgurazzjoni ta’ dan il-monument tanġibbli fil-misraħ ewlieni ta’ raħalna, se titnaqqax b’ittri tad-deheb fl-istorja twila u glorjuża tas-Soċjeta` Karmelitana Banda Queen Victoria. Jum ta’ ġieħ għalina lkoll li ħdimna lkoll flimkien biex naraw din il-ħolma ssir realta`.

bottom of page