Kull dritt riservat © 2019

Iddisinjat u Amministrat minn

Angelo Caruana

Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, Żurrieq

Sit Uffiċjali

L-Arkivji Mużikali

Il-Banda għandha għadd ta’ kompożizzjonijiet għal kull okkażjoni tal-festa. Jispikkaw  fost dawn huma l-kompożizzjonijiet; L-Innu Kbir u Solenni Warda Sbejħa Tal-Karmelu kompost minn Mro. E. Bartoli fis-sena 1878 u rranġat għall-Banda mis-Surmast Francesco Bugeja. Hu innu għall-banda, kor, tenur, baritonu u li jitkanta fil-qofol tal-festa meta l-istatwa artistika u devota tal-Madonna tal-Karmnu, maħduma b’ħila kbira u tal-għaġeb mill-iskultur Salvu Psaila, tkun biswit il-planċier.

Kompożizzjonijiet sbieħ u popolari huma l-Innu Marċ Fior Del Carmel, kompożizzjoni ta’ Mro. Cardenio Botti, l-Innu tas-Surmast Angelo Pullicino Reġina tal-Karmelu, innu għal qalb ħafna l-Karmelitani Żrieraq u l-marċ tal-mibki direttur tal-banda Mro. E Bugeja, Jum il-Festa.

Il-festa  tiġi organizzata u mmexxija mill-Fratellanza tal-Beata Verġni tal-Karmelu u l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria Żurrieq, il-banda ewlenija tar-raħal meta kienet għadha La Filarmonica del Zurrico. Dan sar b’koperazzjoni sħiħa bejniethom. Il-Fratellanza tmexxi l-funzjonijiet reliġjużi, filwaqt li l-Għaqda u l-Banda jassumu r-responsabbiltà tal-festi u manifestazzjonijiet esterni. Il-festa tiftaħ ġimgħa qabel il-festa, il-Ħadd filgħodu, bil-ħruġ emozzjonanti tal-istatwa mill-Oratorju biswit il-knisja. Dan wara marċ qasir mill-Banda Queen Victoria A.D. 1865. Kif tifrex l-istatwa fuq iz-zuntier, il-ġemgħa mdaqqsa ġmiela tfur b’ferħ kbir u tinfexx f’innijiet u kant ta’ tifħir lill-Madonna, akkumpanjata bid-daqq tal-innijiet mill-Banda u ħruq tan-nar.

Baned mistiedna jallegraw u jferrħu t-toroq tar-raħal filgħaxijiet tat-Tnejn u t-Tlieta. L- Erbgħa, f’nofs il-ġimgħa tal-festa, Jum il-Banda, il-bandisti, lebsin l-uniformi, skjerati fuq il-planċier maestuż, ipaxxu l-udjenza numeruża bid-daqq ta’ mużika klassika, xi waqtiet akkumpanjati wkoll minn korijiet u solisti, kemm strumentali kif ukoll vuċijiet. Il-kunċert jagħlaq bi spettaklu fenomenali ta’ sinkronizzazzjoni bejn banda, funtani, nar u dwal. Il-Ħamis, il-bandisti jingħataw il-mistrieħ mistħoqq u għalhekk banda mistiedna tintbagħat iddur mar-raħal. Il-Ġimgħa, l-Ante Vigilia, il-Banda Queen Victoria A.D 1865 terġa’ toħroġ iddur mar-raħal tferraħ lill-poplu b’marċi sbieħ u brijużi li għalihom tant hi magħrufa. Ħafna minn dawn il-marċi huma miktuba mis-surmastrijiet tagħha stess. Il-marċ jispiċċa fil-pjazza miżgħuda bin-nies, mhux qabel iżda isseħħ tradizzjoni ġdida, jekk tista’ ssejħilha hekk, fejn jiġi ppreżentat feature  b’tema spiritwali fuq il-Madonna. Lejliet il-festa, wara li jispiċċaw il-funzjonijiet reliġjużi, żewġ baned mistiedna jferrħu l-għadd kbir ta’ nies, li ħafna minnhom jkunu ġew minn barra r-raħal, u dan billi waħda mill-baned iddur fit-toroq. Il-banda l-oħra, sadanittant, tesegwixxi kunċert fuq il-planċier. Iż-żewġ baned imbagħad jingħaqdu f’massed band u jwasslu lill-folla sal-pjazza, fejn bħala għeluq tal-ġurnata jinħaraq in-nar tal-art. Matul dan il-ħin jkun qed jingħata spettaklu fl-ajru permezz ta’ ħarqa nar tal-kulur sinkronizzat mal-mużika.

Il-Ħadd huwa jum il-festa għażiża tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq. Wara l-quddiesa solenni, il-Banda Queen Victoria A.D 1865, taħt xemx tiżreġ, iddur mat-toroq ewlenija tar-raħal f’dak li issa sar magħruf bħala l-marċ ta’ filgħodu, liema marċ kiseb popolarità kbira ma’ Malta kollha. U bir-raġun meta tikkunsidra li l-Banda Queen Victoria A.D 1865 kienet waħda minn tal-ewwel li bdiet tagħmel dan il-marċ. Il-marċ jintemm quddiem il-każin fost briju u entużjażmu kbir. Il-Ħadd filgħaxija mbagħad ikun hemm il-qofol tal-festa, meta l-ġmiel u għaxqa ta’ statwa tal-Madonna tal-Karmnu tintrefa’ fuq l-ispallejn u tiddawwar mat-toroq tar-raħal akkumpanjata mill-fratelli u devoti li ma jingħaddux.

Filwaqt li tliet baned mistiedna jkunu qed idoqqu fit-toroq u fuq il-planċier, ikun hemm spettaklu ta’ nar tal-ajru. Barra minn hekk, l-Għaqda Karmelitana, kif minn dejjem kienet tagħmel sa minn meta kien għadu jisimha Circolo La Stella fis-seklu dsatax, tieħu ħsieb iżżejjen ir-raħal b’armar, biċċa antik u storiku, u biċċa ġdid. Iżda l-armar kollu sabiħ u jsebbaħ it-toroq tar-raħal. Fl-istess ħin tieħu ħsieb tospita u tilqa’ mistednin fil-każin il-L-ġdid, każin mgħammar sew u li qiegħed fil-pjazza ewlenija tar-raħal għażiż tagħna ż-Żurrieq.

  • Facebook Social Icon
  • YouTube Social  Icon