top of page

Kollezzjoni ta' Marċi Funebri

mill-Banda Queen Victoria A.D.1865

Sett ta’ 10 marċi funebri mill-aktar fini, hekk kif interpretati fis-sena 2007 mill-famuża Banda Queen Victoria taż-Żurrieq, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Alfred Farrugia.

 

Il-marċi ivarjaw minn stil tradizzjonali ta’ l’hekk imsejjaħ ‘bel-canto’ ispirati b’melodiji mill-aqwa għal-oħrajn aktar fuq stil sinfoniku.

 

L-għażla tal-marċi tesponi b’mod mill-aktar vibranti il-ħoss tradizzjonali Mediterranju b’ritmu mkarkar u tant sonori assoċjat mal-ħoss tal-Ġimgħa Mqaddsa. L-interpretazzjoni tgawdi minn firxa wiesa’ ta’ kuluri u tessituri li joħolqu kuntrasti u mumenti drammatiċi mill-aktar effettivi.

Il-Banda Queen Victoria barra mill-marċi brijużi u bċejjeċ mużikali klassiċi u popolari fi ġranet ta’ festi kemm ġewwa kif ukoll barra ż-Żurrieq insibuha wkoll tfarraġ il-qlub fi żmien ta’ niket billi ħadet sehem f ’numru kbir ta’ funerali ta’ dawk kollha li matul il-ħajja twila tagħha kienu ġew jagħmlu parti minnha jew li kienu ta’ għajnuna fi ttmexxija tagħha. ​

Fis-sett ta’ Marċi Funebri ippublikat fl-2015 insibu siltiet magħżula li jvarjaw minn kompożizzjonijiet Maltin u barranin antiki maqlugħin mill-arkivju, li ntużaw tul l-istorja, għal oħrajn iktar riċenti li jesponu l-iżvilupp tal-istess banda u l-kompożizzjonijiet funebri f’Malta tul is-snin.

Dan huwa sett ta' 8 Marċi Funebri ippubblikat fuq cassette lura fis-sena 1999. Is-sett igawdi minn firxa wiesa u varjati ta' stili, b'kompożizzjonijiet ċelebri minn nofs is-seklu Dsatax, għal oħrajn iktar riċenti sad-90ijiet tas-seklu 20. L-eżekuzzjoni hija waħda tipika taż-żmien li kien irrekordjat dan il-cassette, u tikkonsisti fi strumentazzjoni ta' Grande Banda, b'mod partikulari fejn jidħlu marċi ppublikati Taljani u Sqallin li ħallew impatt kbir fuq it-timbru tat-tradizzjoni Maltija. F'dan is-sett nisimgħu ukoll għadd ta' Marċi ta' Kompożituri Maltin li ddiriġew lill-istess Banda tul il-medda tas-snin. Interessanti l-fatt li dan is-sett sar biex jikkomemora l-10 snin anniversarju mit-traġedja tal-Kamra tan-Nar fil-Kumpless ta' l-Għaqda Karmelitana, nhar l-4 ta' Mejju 1989.

Dan huwa sett ta' Marċi Funebri li l-Banda Queen Victoria ippublikat lura fis-sena 1989. Kienet sena iebsa ferm għal-Għaqda Karmelitana minħabba li sfortunatament tilfet żewġ voluntiera waqt li kienu qiegħdin jagħmlu xogħol fil-kmamar tan-Nar. Dan l-album jiġbor fih tmien kompożizzjonijiet tal-widna, b'xogħolijiet li jeħduna lura għal aħħar tas-seklu Dsatax, għal oħrajn iktar riċenti li nkitbu sa tmiem is-Snin Tmenin tas-seklu li għadda. L-istil ta' l-eżekuzzjoni huwa wieħed tipiku ta' meta sar dan ir-recording lura fis-sena 1989.

bottom of page