Kull dritt riservat © 2019

Iddisinjat u Amministrat minn

Angelo Caruana

Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, Żurrieq

Sit Uffiċjali

Il-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu

Il-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu ġiet stabbilita formalment fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fiż-Żurrieq permezz ta’ digriet Episkopali nhar it-23 ta’ Marzu 1801.
 

Matul is-sena, il-Fratellanza torganizza diversi funzjonijiet reliġjużi u laqgħat bl-għan prinċipali jkun it-tifħir u l-glorja ta’ Alla u t-tixrid tad-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu.


Id-Devozzjoni Lejn il-Madonna tal-Karmnu


Id-devozzjoni lejn Marija taħt it-titolu tal-Karmelu bdiet ħafna qabel it-twaqqif tal-Fratellanza.  Fil-fatt, sa minn qabel is-sena 1650, diġà kien jeżisti artal iddedikat lill-Madonna tal-Karmnu fil-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq.

Il-professjoni tal-ewwel Fratelli saret fil-Knisja Parrokkjali nhar is-27 ta’ Settembru tal-istess sena. Ġara li, fis-sena 1798, il-Maltin irvellaw kontra l-ħakkiema Franċiżi u mblukkawhom fil-Belt Valletta u l-Kottonera. Ċertu Giovanni Maria Borg, residenti fil-Belt Valletta u devot kbir tal-Madonna tal-Karmnu, fittex rifuġju fir-raħal taż-Żurrieq.  Kien Giovanni Maria Borg li ħa l-inizzjattiva biex jistabbilixxi formalment il-Fratellanza ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu bil-għan li tinxtered aktar id-devozzjoni lejn Ommna Marija, għan li ntlaħaq b’suċċess kbir. Fil-fatt, fost l-ewwel 90 Fratell li professaw, kien hemm uħud mir-residenti ewlenin taż-Żurrieq, fosthom is-Sindku Alexander Zammit u n-Nutar tar-raħal Paolo Farrugia. Is-snin bikrija tas-seklu 19 kienu żminijiet diffiċli. Il-gwerer Napoleoniċi kienu segwiti minn epidemja tal-pesta u ftit huma l-avvenimenti li huma reġistrati f’dan il-perjodu.
 

Waħda mill-Isbaħ Statwi fuq il-Gżira

Is-sena 1842 kienet xi ftit jew wisq differenti. Xi żmien qabel, il-Fratellanza kienet qabbdet lill-marmista u skultur ewlieni fl-injam, Salvu Psaila, biex inaqqax statwa proċessjonali tal-Madonna tal-Madonna tal-Karmnu. Imnebbaħ minn ispirazzjoni mis-sema u bil-wiċċ ta’ martu li kienet għadha kif mietet, Mastru Salvu Psaila żejjen il-knisja taż-Żurrieq bi statwa sabiħa ħafna, li hi meqjusa bħala waħda mill-isbaħ statwi tal-Madonna fuq il-Gżira. L-aktar ħaġa li tolqtok f’din il-vara hi l-ħarsa tenera u ta’ ħniena li tisraq il-qalb ta’ kull min iħares lejha.

Fis-snin ta’ wara, il-Fratellanza ħadet ħsieb li tikkummissjona diversi opri artistiċi u ta’ valur li jintużaw biex iżejnu l-knisja matul il-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Hawn ta’ min isemmi l-oġġetti li jżejnu l-artali fosthom trieħi irrakkmati, gandlieri, ventartali u statwetti tal-profeti. Ta’ min jinnota l-ġmiel ta’ kanopew u ventartal li jżejnu l-artal maġġur, kif ukoll it-tużell li jintrama fuq l-istess artal. Il-fratellanza tippossjedi wkoll numru ta’ oġġetti tal-fidda fosthom lanterni, slaleb, medaljun u surġentina, minbarra standart irrakkmat bil-ħajt tad-deheb bil-lasta u l-kruċċetta tal-fidda.

Il-Fratelli

Il-Fratelli jieħdu sehem fil-purċissjoni lebsin kunfratija bajda bil-pjiegi, b’ċintorin iswed madwar il-qadd. Fuq il-kunfratija, il-fratelli jilbsu l-labtu kannella, li jintlibes mill-għonq 'l isfel quddiem u wara u li hu d-distintiv tal-Fratellanza.  Fuq kollox, imbagħad, tintlibes il-mozzetta vjola li fuqha jkollha stampa rrakkmata tal-Madonna. Matul il-purċissjoni, il-Fratelli jimxu tnejn tnejn quddiem l-istatwa, iżommu xemgħa f’idejhom. Minbarra fil-purċissjoni annwali tal-Madonna tal-Karmnu, il-Fratellanza takkumpanja f’diversi purċissjonijiet oħra li jsiru matul is-sena fir-raħal taż-Żurrieq u rħula oħra.


Funzjonijiet Reliġjużi

Matul il-ġimgħa tal-festa jsiru diversi funzjonijiet reliġjużi fil-knisja fosthom il-prietki tat-tridu. Qabel il-quddiesa kantata, ikun hemm l-għasar, u wara tingħad il-kurunella, li hi poeżija popolari b’tifħir lill-Madonna.

 

F’jum il-festa jkun hemm quddiesa kantata u konċelebrata, bil-parteċipazzjoni ta’ orkestra, kor u l-vuċijiet. Waqt din il-quddiesa jsir il-paneġierku, li hu eloġju lill-Madonna fejn, b’mod partikolari, jissemmew il-virtujiet kbar tagħha.


Filgħaxija jkun hemm l-għasar solenni u wara tibda ħierġa l-purċissjoni, li hi magħrufa ma’ Malta kollha għan-numru kbir ta’ fratelli li jieħdu sehem fiha.  Malli l-purċissjoni tasal fil-pjazza ewlenija tar-raħal, jindaqq l-innu marċ Fior del Carmel, kompożizzjoni tas-Surmast Cardenioi Botti, u li ilu jindaqq fiż-Żurrieq sa mis-sena 1933. Wara jitkanta l-Innu Kbir li fih jieħdu sehem il-banda, akkumpanjata minn tenur, baritonu u kor. Dan l-innu nkiteb fl-1877 mis-Surmast Emanuel Bartoli. Il-logħob tan-nar spettakolari jakkumpanja l-purċissjoni mill-ħruġ sad-dħul tagħha lura fil-knisja. Hekk kif il-vara tidħol lura fil-knisja, il-funzjonijiet reliġjużi jintemmu bil-kant tal-antifonaFlos Carmeli ta’ Maestro Paolo Nani u l-Barka Sagramentali.

Festi Esterni.

Is-Soċjetà Karmelitana u Banda Queen Victoria, b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Fratellanza, tieħu ħsieb l-organizzazzjoni tal-festi esterni u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa. It-toroq ewlenin tar-raħal jintramaw bl-antarjoli u diversi festuni ta’ bozoz, apparti settijiet sbieħ ta’ pavaljuni. Iċ-ċentru tar-raħal hu mogħni b’diversi settijiet ta’ trofej, armati bi bnadar u bandalori bil-pittura, kif ukoll diversi pedestalli bi statwi ta’ anġli u qaddisin fuqhom. F’nofs il-pjazza ewlenija taż-Żurrieq, jispikka l-planċier majestuż li fuqu jsiru diversi programmi rinomati, kemm mill-Banda Queen Victoria, kif ukoll mill-baned mistiedna.


Karatteristika ewlenija taż-Żurrieq hi n-numru kbir ta’ arbli li jittellgħu fuq il-bjut tad-djar. Matul il-ġurnata jittellgħu bnadar ta’ kull daqs bl-emblema u l-kuluri tal-Madonna li, akkumpanjati miż-żiffa ta’ Lulju, ikompli jżidu l-ferħ tal-atmosfera tal-festa. Imbagħad filgħaxija, mal-istess arbli, jittellgħu il-festuni tad-dawl li jkunu qishom ħuġġieġa nar minn tarf sa ieħor tar-raħal.
 

Matul il-ġimgħa kollha tal-festa jkun hemm diversi marċi mill-Banda Queen Victoria, kif ukoll mill-baned mistiedna. Ikun hemm ukoll spettaklu kbir ta’ nar tal-art u tal-ajru li jilħaq il-qofol tiegħu lejlet u nhar il-festa.

Is-Seba’ Erbgħat tal-Udjenza

Minbarra l-festa tal-Madonna tal-Karmnu, il-Fratellanza tieħu ħsieb torganizza s-Seba’ Erbgħat tal-Udjenza fil-Knisja Arċipretali. Dawn jibdew mill-ewwel Erbgħa fuq l-Għid il-Kbir u jibqgħu sejrin sal-aħħar Erbgħa qabel il-festa ta’ Pentekoste. Matul dawn is-Seba’ Erbgħat devozzjonali, isiru seba’ prietki dwar il-Madonna u wara l-quddiesa tingħad il-kurunella u titkanta l-antifona. Wara l-Barka Sagramentali, isir il-bews tar-relikwija tal-Madonna akkumpanjat mill-kant tal-Innu Popolari.

1/26
  • Facebook Social Icon
  • YouTube Social  Icon