Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, Żurrieq

Sit Uffiċjali

 Armar li jżejjen it-toroq fil-festa 

IL-KUMMISSJONI ARMAR FI ĦDAN L-GĦAQDA KARMELITANA BANDA QUEEN VICTORIA
 

Kien eżattament nhar l-Erbgħa, 3 ta’ Frar 1988, fejn waqt l-ewwel seduta tal-Kumitat Ċentrali għas-sena 1988, ġiet maħtura l-ewwel Kummissjoni Armar fi ħdan l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria. L-iskop ta’ din il-Kummissjoni kien li minbarra li tieħu ħsieb l-armar estern tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu, tieħu ħsieb ukoll l-imħażen tas-Soċjeta` li dak iż-żmien kienu tnejn, wieħed fi Triq Mons. Pietru Pawl Saydon u l-ieħor fi Triq it-23 ta’ Lulju 1942 li kien għadu kif inxtara s-sena ta’ qabel.
 

Din l-ewwel Kummissjoni Armar, uffiċjalment ħadet il-post il-Grupp Dekorattiv li diġà kien ilu jeżisti fi ħdan is-Soċjetà għal minn tal-inqas sbatax-il sena. Fil-fatt dan il-grupp kien twaqqaf fis-sena 1971 bil-għan ewlieni tiegħu jkun dak li jieħu ħsieb it-tiżjin tal-faċċata tal-każin u tat-toroq prinċipali fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Kien grupp dinamiku għall-aħħar li  minn rajh kien ħa l-inizjattiva tat-tiżjin ta’ Triq il-Kbira u l-faċċata tal-każin fil-Milied, liema inizjattiva ssarrfet f’suċċess kbir għal seba’ darbiet konsekuttivi bir-rebħ tal-ewwel premju fil-kompetizzjonijiet li kienu jsiru f’dawk is-snin.
 

Bil-ħatra tal-Kummissjoni Armar, il-ħsieb tal-Kumitat tal-1988 kien li x-xogħol kollu li jirrigwarda dan il-qasam tant importanti tal-festa jkun jista’ jingħata l-attenzjoni speċjali u d-dedikazzjoni li tixraqlu. Minn dakinhar ’il quddiem din il-Kummissjoni qatt ma ħarset lura u id f’ id mal-Kumitat Ċentrali u bil-għajnuna ta’ bosta membri ħabrieka, ħadmet qatigħ fuq proġetti kbar u ambizzjużi ta’ armar. Armar li qegħdin ingawduh  illum frott ta’ dawk kollha li taw sehemhom. Proġetti li xi darba kienu biss fl-imħuħ jew fuq il-karta, pero' llum huma realtà. Proġetti li fuq kollox huma l-ammirazzjoni ta’ kull min iżurna fix-xahar ta’ Lulju.

 

Imma l-istorja tal-armar fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu ma bdietx ħamsa u għoxrin sena ilu. Ma ninsewx li kienu l-prokuraturi tal-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu mwaqqfa fl-1801 li lejn tmiem is-seklu dsatax, taw bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet esterni f’ġieħ il-Verġni Mbierka. Ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet esterni ma setax jonqos li huma jaħsbu wkoll għal xi ftit armar biex ikomplu jżidu l-ferħ tal-okkażjoni. Pereżempju, mill-kontijiet tal-fratellanza nafu li fl-1869 kienu saru 26 arma jżejnu l-misraħ waqt li fl-1873 saru żewġ anġli tal-kartapesta biex jintramaw quddiem il-bieb il-kbir tal-knisja parrokkjali. Barra minn hekk, il-fratellanza kienet għamlet ukoll Ark Trijonfali li kien jintrama bejn Piazza Maggiore u Strada Reale. Ġara li biż-żmien il-fratellanza ma baqgħetx aktar tieħu ħsieb ukoll l-armar ta’ barra għall-okkażjoni tal-festa. Jidher li l-konċentrazzjoni tal-fratellanza  baqgħet fuq il-festa interna waqt li ċ-Circolo La Stella, li sal-1900 kien għadu ma ngħaqadx mal-Banda La Concordia, ried jibda jaħseb hu għal dan.

 

Avveniment li laqat mill-qrib lill-armar tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq huwa bla dubju l-Konċilju Reġjonali li sar f’Malta fl-1935 u li kellu l-iskop li jirregola ċerti ħwejjeġ tal-knisja f’Malta. Dan il-konċilju kien impona wkoll restrizzjonijiet fuq l-armar ta’ barra. Ovvjament l-Għaqda Karmlitana Banda Queen Victoria laqgħet dawn ir-restrizzjonijiet b’dispjaċir kbir tant li l-festa waqfet issir għal xi żmien (1936 – 1945). Fis-snin li ġew wara l-1935, sakemm faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, delegazzjonijiet mill-każini tal-festi sekondarji, inkluż dak tagħna, kienu jiltaqgħu u jiddiskutu x’kellu jsir biex l-affarijiet forsi jitjiebu.

 

Prattikament l-armar tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fis-snin ta’ wara l-gwerra kien jikkonsisti biss fit-trufej maestuż li sar fuq disinn tal-imgħallem Manwel Buhagiar, il-pedistalli  bl- anġli u l-planċier imżanżan f’Lulju 1954 ġo Misraħ Churchill (dak li llum huwa Misraħ ir-Repubblika) flimkien mal-erba’ pedestalli taz-zuntier (Id-dehra tal-Madonna lil S. Xmun Stock, Id-dehra tal-Madonna lill-Papa Onorju III, San Elija u San Eliżew). Din ir-restrizzjoni baqgħet tapplika sa Lulju 1975 għax minn dak iż-żmien il-festi sekondarji ngħataw huma wkoll id-dritt li jżejnu kullimkien. Allura wieħed jista’ jimmaġina kemm  xogħol ried isir mill-1975 biex ftit ftit stajna naraw aktar armar fit-toroq prinċipali.

 

Pass importanti u fid-direzzjoni t-tajba kien ix-xiri tal-maħżen Fjur tal-Karmelu fi Triq it-23 ta’ Lulju 1942. Dan il-pass ittieħed f’Marzu 1987. F’dan il-maħżen mill-ewwel beda jiġi merfugħ l-armar li kien jintrama fi Triq il-Kbira, Triq il-Prof. Pietru Pawl Saydon u Misraħ Mattia Preti kif ukoll l-antarjoli kollha tal-festa flimkien ma’ diversi affarijiet oħra. Dan il-maħzen solva l-problema ta’ nuqqas ta’ spazju tal-maħżen li dak iż-żmien kellna fit-triq ta’ quddiem il-knisja, liema maħżen  illum jagħmel parti mill-każin.

 

Nhar is-Sibt 10 ta’ Lulju 1993 ġie organizzat il-ftuħ tal-imħażen il-ġodda fi Triq Filippu Farrugia. Ix-xogħol fuqhom, fuq pjanta tal-Onor. Perit Karmenu Vella, illum President Onorarju, kien inbeda fil-5 t’Ottubru 1992, wara li l-kumitat kien akkwista b’xiri biċċa art. Il-membri tas-Soċjeta` meddew għonqhom għax-xogħol u b’dedikazzjoni sħiħa ħadmu fil-ħin liberu tagħhom biex dan il-proġett seta’ jitlesta fi żmien relattivament qasir. Fis-snin 1999 u 2000 dan il-maħżen tkabbar b’sular iehor. Pass ieħor importanti ttieħed f’dawn l-aħħar snin meta saret l-estensjoni b’żewġ sulari fuq dawn l-imħażen biex issa nistgħu ngħidu li l-armar tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu huwa miġbur kollu f’post wieħed.

 

Il-ħidma li wettqet il-Kummissjoni Armar fuq l-armar tal-festa tul dawn is-snin diffiċli ħafna biex tikkwantifikaha. Dejjem żammet quddiemha żewġ prinċipji: dak li tieħu ħsieb l-armar kollu li għamlu missirijietna u fl-istess ħin tħares ’il quddiem bi proġetti ġodda li jkomplu jkabbru din il-festa tant għażiża.

Fost ix-xogħlijiet ġodda li saru dawn l-aħħar snin nsibu sett ta’ 18–il trufej komplut bil-bandalori, sopraporti u bnadar, sett ta’ 10 pedestalli u sett ta’ 11-il pilandra u erba' statwi li jirrapreżentaw lil Santa Marija De Pazzi, Beatu Titus Brandsma, Santa Tereża tas-Salib u San Telesforu Papa. Inħietu wkoll sett faldrappi. Dan l-amar jintrama fi Triq Mons. Pietru Pawl Saydon. Inħietu sett bandalori u bandieri għat-trufej ta’ Misraħ ir-Repubblika kif ukoll pavaljun għal fejn id-dar tal-arċipriet. Għal din il-Pjazza nħietu sett faldrappi kif ukoll
inħadmu sett brazzi għal mal-anġli. Għal Triq il-Kbira nħietu sett pavaljuni u sett bandalori li jintramaw mat-trufej. Inħietu sett pavaljuni għad-dawra tal-purċissjoni, sett bandalori bil-pitturi tal-appostli għal Misraħ Mattia Preti. Inħietet bandalora kbira għal fejn l-għassa tal-pulizija.  Għal taħt iz-zuntier tal-knisja arċipretali nħadmu 4 statwi ġodda li jirrapreżentaw lil San Ġużepp, San Ġorġ Preca, San Ġwann il-Battista u Papa Ġwanni Pawlu II. Inħadem ukoll Pavaljun kbir tad-dawl għad-daħla taż-Żurrieq. Bħalissa qegħdin jinħietu sett bandalori ġodda għal Triq Dun Ġużepp Żammit. Minn żmien għal żmien issir manutenzjoni fuq l-affarijiet tal-mixgħela tal-festa kif ukoll tinħadem ammont kbir ta’ liedna għal diversi toroq.

 

Fost ix-xogħlijiet ġodda li saru dawn l-aħħar snin nsibu t-trufej ta’ Triq Mons. Pietru Pawl Saydon inkluż il-bandieri u l-bandalori tiegħu, sett bandalori u bandieri għat-trufej ta’ Misraħ ir-Repubblika, sett bandalori u pavaljuni għal Triq il-Kbira, sett pavaljuni għad-dawra tal-purċissjoni, sett siġar għal Triq Mons. Pietru Pawl Saydon u Misraħ Mattia Preti, sett brazzi għal mal-anġli tal-pjazza, bandalora kbira għal fejn l-għassa tal-pulizija,  pavaljun kbir għal fejn id-Domus Curialis kif ukoll numru ta’ statwi ġodda.

 

Il-Kummissjoni Armar ħadet ħsieb ukoll l-armar li b’tant sagrifiċċju u paċenzja għamlu missirijietna sforz l-imħabba li kellhom lejn il-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Għaldaqstant sar ukoll ħafna  restawr importanti  fuq armar antik li reġa' kiseb is-sbuħija oriġinali tiegħu. Insemmu r-restawr fuq it-trufej ta’ Misraħ ir-Repubblika li kien sar fis-snin ta’ wara l-gwerra fuq disinn ta’ Manwel Bugahiar u fuq il-pedestalli tal-anġli, ir-restawr fuq il-planċier li kien ġie rinovat fl-1976 fuq disinn ta’ Salvu Tonna, ir-restawr fuq l-armar kollu li jsebbaħ iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali  li jinkludi dawk iż-żewġ statwi artistiċi u kolossali li jirrappreżentaw id-dehriet tal-Madonna lil S. Xmun Stock u lill-Papa Onarju III u li naħsbu li saru minn Karlu Darmanin u Ġlormu Darmanin. Restawr ieħor importanti sar fuq it-trufej l-antik li issa narawh jintrama fi Triq il-Kbira u li bejn l-1990 u l-2008 kien jintrama fi Triq il-Prof. Pietru Pawl Saydon. Bil-mod il-mod qed isir ukoll restawr estensiv u professjonali fuq l-istatwi kollha li jintramaw bħalissa fit-toroq prinċipali.

 

Fl-2004 wara nuqqas ta’ sbatax-il sena, is-Soċjeta' Karmelitana, bl-għajnuna tal-Kummissjoni Armar reġgħet irritornat b’suċċess fil-Kompetizzjoni Nazzjonali tat-tiżjin tat-toroq fil-Milied, tant li Triq il-Kbira ġiet ikklassifikata fit-tieni post. L-armar tal-Milied issa reġa’ sar parti mill-kalendarju ta’ ħidma li għandha l-Kummissjoni Armar.

 

B’ wiċċna minn quddiem ngħidu li l-għan li għalih twaqqfet il-Kummissjoni ntħalaq u ntlaħaq bil-kbir. Il-proġetti ġodda ma jonqsux.

 

Nibżgħu għal dak li għamilna ħalli lil uliedna u lill-ulied uliedna nħallulhom wirt imprezzabbli li fuq kollox huwa xhieda ħajja tal-imħabba li għandna lejn il-Madonna tal-Karmnu.

Armar (24)
Armar (23)
Armar (1)
Armar (2)
Armar (3)
Armar (5)
Armar (4)
Armar (6)
Armar (7)
Armar (8)
Armar (9)
Armar (10)
Armar (11)
Armar (12)
Armar (13)
Armar (14)
Armar (15)
Armar (16)
Armar (17)
Armar (22)
Armar (18)
Armar (19)
Armar (20)
Armar (21)
Armar (27)
Armar (28)
Armar (25)
Armar (26)
Armar (29)
Armar (30)
Armar (32)
Armar (34)
Armar (31)
Armar (33)
Armar (36)
Armar (35)
Armar (38)
Armar (39)
Armar (40)
Armar (37)
Armar (41)
Armar (42)
Armar (43)
Armar (44)
Armar (46)
Armar (45)
Armar (47)
Armar (48)
Armar (49)
Armar (50)

Kull dritt riservat © 2020

Iddisinjat u Amministrat minn

Angelo Caruana

  • Facebook Social Icon
  • YouTube Social  Icon
Armar (16)